Il-Kap Eżekuttiv tal-aġenzija Sapport, Oliver Scicluna, giddeb xniegħat li qed jiċċirkolaw fuq il-midja soċjali li faqqsu bl-addoċċ il-blue badges minħabba li ġejja l-elezzjoni. Fil-verità naqqsu, skont iċ-ċifri uffiċjali.
F’kitba fuq Facebook, Oliver Scicluna sostna li April kien l-inqas xahar f’dawn l-aħħar sitt xhur li qatt ġew approvati blue badges, li huma intitolati għal persuni b’diżabilità li jużaw jew ikollhom bżonn vettura.
Fil-fatt minn statistika ppubblikata minn Scicluna nnifsu, jirriżulta li f’April, ix-xahar qabel bdiet il-kampanja għall-elezzjonijiet tat-8 ta’ Ġunju, ġew approvati 182 blue badge ġdida, waqt li ġew imġedda 59 blue badge. Ferm inqas mix-xhur preċedenti, kif tixhed l-istatistika.
Minn hawn joħroġ li, bejn Frar u April li għadda, kien hemm inqas blue badges ġodda jew imġedda mit-tliet xhur ta’ qabel jiġifieri bejn Novembru u Jannar li għadda.
Dan hekk kif fl-aħħar tliet xhur, il-blue badges ġodda jew imġedda kienu jgħoddu b’kollox għal 819.
Dan filwaqt li, fit-tliet xhur ta’ qabel, l-ammont ta’ blue badges ġodda jew imġedda kienu jgħoddu għal 960 jew kważi 150 iżjed.
Il-Kap Eżekuttiv tal-aġenzija Sapport ippubblika wkoll l-ammont ta’ applikazzjonijiet li ġew irrifjutati.
Bejn Novembru u Jannar li għadda, ġew irrifjutati 171 applikazzjoni għal blue badge, waqt li bejn Frar u April li għadda, ġew irrifjutati 382 applikazzjoni simili.
L-istess jirriżulta li, fi Frar, kienu rrifjutati 228 applikazzjoni għall-blue badges, ammont li f’xahar wieħed jaqbeż dak tat-tliet xhur ta’ qabel magħdudin flimkien.