Iċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċina f’Malta se jospita taħdita kulturali bit-tema “Djalogu mad-Dinja Permezz tas-Sbuħija tal-Ilbies Ċiniż” fis-7pm nhar it-Tnejn, 27 ta’ Mejju, li ser issir mill-Prof. Chu Yan, magħrufa bħala waħda mill-aqwa għaxar disinjaturi tal-moda taċ-Ċina. B’kontribuzzjonijiet sinifikanti fid-disinn tal-kostum fid-drama, il-film, u t-TV, Prof. Yan se tkun qed taqsam ħsibijietha dwar il-ġmiel tal-ilbies Ċiniż. It-taħdita tagħha se tesplora l-eleganza tal-ħwejjeġ li kienu jintlibsu fl-antik, ir-ritwali kulturali profondi marbuta ma’ dal-qasam, u l-essenza tal-moda Ċiniża fl-era moderna.
Il-Prof. Chu Yan tagħmel parti mill-Istitut tat-Teknoloġija tal-Moda (BIFT) f’Beijing u hija d-Direttur tal-Istitut tal-Estetika Kulturali Ċiniża tal-Era l-Ġdida. Mill-2015, hija ġiet mistiedna mill-Ministeru Ċiniż tal-Kultura u t-Turiżmu sabiex tagħti taħdidiet f’aktar minn għaxar pajjiżi u reġjuni li juru l-perspettiva globali tagħha. Mill-kostumi antiki sal-moda kontemporanja, il-preżentazzjonijiet tal-Prof. Chu jkopru l-estetika tradizzjonali, l-evoluzzjoni tal-kostumi, u l-iskambju kulturali bejn il-Lvant u l-Punent. Permezz ta’ diversi wirjiet, hija tenfasizza s-sbuħija tal-ilbies Ċiniż, trawwem djalogu maċ-ċivilizzazzjoni globali u tikkontribwixxi għall-fehim reċiproku u għall-ħbiberija fost popli diversi permezz tal-integrazzjoni u l-komunikazzjoni tal-kultura tal-ilbies.
Primarjament, din it-taħdita se tkun qed tfakkar is-seħer dejjiemi tal-moda Ċiniża, li jibda mill-istili lussużi ta’ żmien id-Dinastija Tang sal-moda kontemporanja tal-lum b’xejriet internazzjonali. Permezz tal-ilbies, li huwa mezz sinifikanti tal-espressjoni kulturali, din it-taħdita għandha l-għan mhux biss li taqsam it-tradizzjonijiet antiki tal-kultura Ċiniża iżda wkoll l-ispirtu innovattiv taċ-Ċina ta’ żminijietna.
Id-dħul huwa bla ħlas iżda huwa rrakkomandat li tirriserva post minħabba limitazzjoni ta’ spazju billi tibgħat email fuq events2024ccc@gmail.com It-taħdita se ssir biċ-Ċiniż u tiġi tradotta bl-Ingliż.