Azzjoni immedjata mill-Pulizija wasslet biex ġew arrestati żewġ ġuvintur ta’ 18-il sena ftit ħin biss wara li allegatament wettqu serqa minn residenza fin-Naxxar.
Huma nstabu fil-fatt fil-pussess ta’ oġġetti li huma propjetà tal-istess residenza. Għall-ħabta tas-sagħtejn u nofs ta’ dalgħodu, il-Pulizija ġew infurmati li fi Triq il-Port Ruman, San Pawl il-Baħar, hemm żewġ persuni suspettużi u li kienu fil-pussess ta’ arma kbira li taqta’ u bil-ponta.
Minnufih fuq il-post marru l-pulizija u fl-istess triq ġew innutati ż-żewġ persuni li kienu jaqblu mad-deskrizzjoni li ngħatatilhom. Dawn twaqqfu u minn tfittxija li saret fuqhom instabu fil-pussess ta’ mannara, maxetta u ammont ta’ ġojjellerija. Dak il-ħin huma ġew arrestati fuq il-post u ttieħdu l-għassa għal aktar stħarriġ.
Matul l-investigazzjonijiet il-Pulizija skopriet li l-ġojjellerija li nstabet fil-pussess tal-arrestati, allegatament insterqet minn residenza li tinsab fi Triq Ta’ l-Imdawra, fin-Naxxar ftit tal-ħin biss qabel.
Mill-investigazzjonijiet irriżulta wkoll li ftit tal-jiem ilu nsterqet ukoll vettura mill-istess propjetà u saru ħsarat fuq numru ta’ vetturi fl-istess inħawi, allegatament mill-istess ġuvintur li ġew arrestati. Iż-żewġ persuni, Ingliż residenti San Pawl il-Baħar u Malti residenti l-Mosta, ser ikunu qegħdin jitressqu l-Qorti fil-jiem li ġejjin.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.