Il-Gvern se jibqa’ jappoġġja l-industrija turistika, li tikkontribwixxi bi sħiħ għall-ġid li jinħoloq fil-pajjiż. Kien dan il-messaġġ li għadda l-Prim Ministru Robert Abela waqt indirizz tiegħu f’okkażjoni, li mmarkat rikonoxximent ogħla lil lukanda ewlenija f’pajjiżna, li issa ġiet ikklassifikata bħala resort.
Dr Abela sostna kif dan l-investiment, li sar mil-lukanda, bħala att ieħor ta’ fiduċja f’pajjiżna u fis-settur turistiku.
Hawnhekk innota kif l-istaġjonalità fis-settur turistiku f’pajjiżna saret xi ħaġa tal-imgħoddi hekk kif ċifri uffiċjali juru żidiet rekord anke fix-xitwa u dan kollu jwassal biex investimenti, bħal dak li sar f’Malta minn Marriott Resort & Spa, kien possibbli.
Il-Prim Ministru żar il-lukanda waqt li ltaqa’ mal-ħaddiema u tkellem ukoll mat-tmexxija tagħha. Hawn Dr Abela nnota l-investiment komprensiv ta’ €35 miljun li sar f’faċilitajiet tal-ogħla livell f’resort u lukanda ta’ ħames stilel.
Il-Prim Ministru Robert Abela sostna li l-istrateġija li għandu l-pajjiż għat-turiżmu issa mhux biss tiffoka fuq irkupru li pajjiżna laħaq ferm qabel kompetituri tiegħu wara l-pandemija, iżda issa qed tħares lejn kif is-settur jista’ jkompli jimraħ f’realtajiet ġodda.
Dr Abela sostna li s-suq turistiku f’pajjiżna jibqa’ marbut ma’ turisti li jiġu minn pajjiżi Ewropej u dawk minn pajjiżi mhux ’il bogħod minnha, iżda wkoll qed jiġu turisti minn kontinenti oħrajn.
Hawn irrimarka għall-importanza tal-konnettività li tibqa’ kruċjali, iżda saħaq ukoll fuq il-ħtieġa li nkomplu ngħollu l-prodott turistiku ta’ pajjiżna permezz ta’ investimenti bħal dawn, li jgħinu anke fis-sostenibbiltà u l-kwalità fit-turiżmu.
F’din iż-żjara, il-Prim Ministru kien akkumpanjat mill-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo.