Il-Gvern jagħti valur kbir lill-edukaturi u hu għalhekk li poġġa proposti b’saħħithom fuq il-mejda tan-negozjati. Hawnhekk sostna li l-pakkett finanzjarju ta’ kull edukatur se jiżdied u mhux biss ta’ dawk l-edukaturi ingaġġati ġodda. Dan intqal mill-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela, f’intervista minn Nicole Buttigieg f’Birkirkara t-Tnejn filgħaxija.
Il-Prim Ministru qal ukoll li ż-żidiet mhumiex marbutin ma’ aktar ħinijiet jew xogħol u semma kif dawn huma hemm għal kulħadd, kemm għal dawk il-professjonisti b’masters, iżda anke għal dawk l-għalliema b’esperjenza, se jkollhom żidiet awtomatiċi.
Hawnhekk Dr Abela appella biex l-Unjin tal-Għalliema, l-MUT, tiċċara u tippubblika l-fatti kollha biex ma jkunx hemm miżinformazzjoni.
“Filwaqt li forsi meta jkun hemm dan l-iffirmar tal-eventwali ftehim kollettiv jew meta ħa jkunu verament magħrufa l-kundizzjonijiet reali u onesti kollha li hemm madwar il-mejda forsi se jkun hemm min jgħid, imma possibbli se jkun hemm dawn iż-żidiet daqstant b’saħħithom? Ngħid impossibbli, għalhekk għandna ekonomija b’saħħitha li taffordja dan il-ftehim li għandu wkoll li hu wieħed ukoll li għandu mis-sostenibilità, jiġifieri anke l-miżuri huma sostenibbli, imma dan hu l-aqwa investiment li nistgħu nagħmlu fl-għalliema tagħna. L-aqwa sinjal ta’ rikonoxximent li nistgħu nagħtu fil-valur li nemmnu fih tal-edukaturi tagħna u, fl-aħħar mill-aħħar, fl-investiment li nistgħu nagħmlu fil-ġenerazzjoni tat-tfal tagħna.”
Dr Abela sostna kif Gvern Laburista kontinwament qed itejjeb l-affarijiet għan-nies u l-vot fl-elezzjonijiet tat-8 ta’ Ġunju hu wieħed biex jagħti s-saħħa lill-Gvern biex ikompli jindirizza l-ħtiġijiet tan-nies.
F’Birkirkara, il-Prim Ministru semma ħemel ta’ miżuri mwettqin mill-Gvern, fosthom fiċ-ċentri tas-saħħa, waqt li l-ħidma fiż-żmien li ġej se tingħata aktar importanza lill-ambjent, l-indafa u fosthom ix-xogħol ta’ tisbiħ ppjanat mad-dawra tal-Kolleġġjata Bażilika ta’ Sant’Elena.
“L-għażla jekk se nerġgħu nħallu l-establishment li jaħtaf lil Birkirkara f’idu, dik hi li għandu lil Birkirkara qed jgħid irid li jagħmilha tiegħu. Jien ngħid li Birkirkara hi tan-nies u biex Birkirkara nibqgħu nimbottawha ’l quddiem bl-implimentazzjoni ta’ ħafna u ħafna proġetti, irridu nivvotaw lill-kandidati kollha fuq il-vot il-Partit Laburista. Mill-ewwel sal-ħdax-il wieħed, vot b’saħħtu lilhom ħalli dak il-pjan li għandna għal din il-lokalità nkunu f’qagħda b’saħħitha li nimplimentawh kollu.”
Dwar is-settur ambjentali, Dr Abela semma kif Gvern, immexxi minnu, qabad artijiet pubbliċi f’Ħal Lija, San Ġiljan, Ħal Kirkop u Ħal Luqa, li huma art ODZ u setgħu jiġu żviluppati bil-pjani tal-2006, u minflok se jsiru spazji miftuħa għall-familji.
F’dan il-kuntest, il-Prim Ministru tenna li proposta biex jinbena supermarket fuq art ODZ f’San Ġwann hi non-starter. Qal li hawnhekk Kunsilli Lokali, bħal dak ta’ San Ġwann, qed juru bil-fatti li qegħdin u kienu hemm biex jirrappreżentaw l-interessi tar-residenti.
Il-Prim Ministru Robert Abela temm l-intervista tiegħu billi appella biex kulħadd jiġbor id-dokumenti tal-vot u fejn hemm x’wieħed jisma’, allura jsir dan, għax il-Partit Laburista hu dak li jaġixxi favur in-nies u jagħti s-saħħa lill-Maltin.
“Turija ta’ fiduċja li se tkompli tagħti s-saħħa lil dan il-Gvern biex jibqa’ jimplimenta il-proposti tal-manifest ‘Malta Flimkien’. Elf proposta ambizzjuża li tlaqna b’rata ta’ implimentazzjoni b’saħħitha. Irridu nibqgħu għaddejjin b’dik l-implimentazzjoni tal-manifest, l-implimentazzjoni tal-manifesti tal-kunsilli lokali, l-implimentazzjoni tal-manifest Ewropew ukoll. Fuq kollox turija ta’ fiduċja fil-ħidma tal-Gvern fit-8 ta’ Ġunju biex inkomplu nagħtu s-saħħa lill-Karkariżi, is-saħħa lill-Għawdxin u s-saħħa lill-Maltin.”