Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, ħabbar seba’ proġetti ta’ restawr ta’ oġġetti ta’ wirt patrimonjali fil-knejjes, b’investiment ta’ €90,000 bi skema li qed titmexxa mill-Kunsill Malti għall-Arti, f’kollaborazzjoni mad-Dipartiment tar-Restawr u l-Preservazzjoni.
Il-fond kien miftuħ għal orgranizzazzjonijiet kulturali u volontarji li għandhom bżonn appoġġ għall-konservazzjoni ta’ artifatti immobbli li jaqgħu taħt id-definizzjoni ta’ wirt kulturali, li skont l-Att tal-Wirt Kulturali ta’ Malta ilu jeżisti għal 50 sena jew aktar.
Dan jinkludi proprjetà kulturali immobbli interna u esterna, bħal altari, dekor arkitettoniku, xogħlijiet tal-arti u dekorazzjonijiet, fost oħrajn.
Il-Ministru Bonnici spjega li, permezz ta’ dawn l-iskemi u inizjattivi, l-infrastruttura kulturali tagħna qed tkompli tissaħħaħ b’mekkaniżmu aktar robust li jissalvagwardja l-iżvilupp dinamiku tal-elementi kollha kulturali u reliġjużi li huma parti importanti mill-wirt tagħna bħala ġens Malti.
Is-seba’ proġetti, li kkwalifikaw biex jiġu rrestawrati huma l-artali fil-Knisja l-Qadima tal-Parroċċa ta’ San Ġiljan u tal-Kappella ta’ Sant’Anna fil-Knisja tal-Ġiżwiti, il-Belt, pittura tal-Assunta tas-Soċjetà Storiku-Kulturali fil-Birgu, pittura tal-Immakulata tal-Fondazzjoni Patrimonju Siġġiewi, arloġġ fil-Knisja ta’ San Pawl, f’Birkirkara, il-bibien li jinsabu fuq il-faċċata tal-knisja tal-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija ta’ Ħal Luqa u l-bradella tal-istatwa ta’ San Lawrenz tal-Fondazzjoni Wirt Kulturali Vittoriosa.
Il-Ministru Bonnici ħabbar ukoll it-tnedija tal-iskema ta’ finanzjament ta’ restawr għall-artifatti mobbli amministrata f’kollaborazzjoni mas-Sovrintendenza għall-Wirt Kulturali, b’investiment ta’ €85,000 oħra.
Minn din l-iskema se jibbenefikaw applikanti li għandhom bżonn jirrestawraw affarijiet mobbli fil-knejjes u hi miftuħa għal organizzazzjonijiet volontarji, b’kollaborazzjoni mal-knisja parrokkjali.
L-applikazzjonijiet għal din l-iskema fetħu t-Tnejn stess u jagħlqu fit-2 ta’ Lulju li ġej. Għal aktar informazzjoni wieħed għandu jżur is-sit uffiċjali tal-Kunsill Malti għall-Arti – artscouncil.mt.