It-Tnejn waranofsinhar waqt il-programm ‘Indigo’ fuq ONE, mart il-Prim Ministru, Dr Lydia Abela, iddiskutiet mal-preżentatriċi Josette Sciberras temi relatati mal-kampanja elettorali li ninsabu fiha u l-ġid li wettaq il-Partit Laburista kemm ilu fil-Gvern.
Fost l-oħrajn, Dr Abela ttrattat l-importanza li ngħatat il-mara inġenerali fl-aħħar snin, iċ-childcares b’xejn, il-kontijiet tad-dawl u l-ilma li baqgħu stabbli u s-sussidji lill-anzjani li jingaġġaw carer f’darhom stess.
Mart il-Prim Ministru ddeskriviet dawn l-elezzjonijiet li ġejjin bħala importantissimi u saħqet għaliex wieħed għandu jmur jivvota biex jibgħat il-messaġġ favur Malta dejjem.
“Importanti li mmorru nagħmlu l-għażla tagħna, għax jekk ma nagħmluhiex aħna l-għażla tagħna, se jagħmilha ħaddieħor. Jekk ma nivvotawx aħna, dak il-vot ikun qed ifisser għażla għal ħaddieħor.”
Sotniet ukoll kif il-politika tal-Gvern tpoġġi l-ewwel u qabel kollox lin-nies u hu proprju għalhekk li, jekk fit-8 ta’ Ġunju nagħmlu l-għażla t-tajba u nivvotaw għall-Partit Laburista, inkomplu nassiguraw futur aħjar għal pajjiżna.
“Jekk ma tmurx tivvota, din id-darba tkun qed tibgħat messaġġ li inti ma tridx Gvern Laburista, li dawn il-passi ’l quddiem li għamilna, jekk huma żgħażagħ, anzjani, tfal, ommijiet, nisa, dawn l-inċentivi li tajna, inti għalik ma jkunu jfissru xejn. Allura hu importanti li, fit-8 ta’ Ġunju, immorru nivvotaw biex nibgħatu sinjal ċar li aħna rridu lil Malta tibqa’ miexja ’l quddiem.”