Għaxar snin ilu ġiet introdotta l-iskema taċ-childcare bla ħlas f’pajjiżna. Sa mill-bidu tal-miżura fl-2014, il-programm tqies bħala wieħed kruċjali biex jindirizza l-isfidi ta’ ġenituri, b’mod speċjali nisa, li kienu qed isibu fis-suq tax-xogħol.
Din l-inizjattiva, imnaqqxa bħala storja ta’ suċċess, saret b’kollaborazzjoni bejn il-Gvern u l-privat biex il-ġenituri ma jkollhomx spejjeż addizzjonali.
Fil-fatt jirriżulta li, is-sena li għaddiet, in-nefqa fuq din l-iskema taċ-childcare kienet ta’ €46 miljun – disa’ darbiet aktar milli meta bdiet.
L-iskema taċ-childcare b’xejn għolliet ir-rata tal-impjiegi tan-nisa f’pajjiżna, tant li, skont ċifri tal-aġenzija Jobsplus li tamministra u tiffinanzja l-iskema, kien hemm aktar minn 22,500 omm li fl-aħħar għaxar snin użaw is-servizz taċ-childcare b’xejn.
Kważi 98% tan-nisa għamlu dan biex jidħlu f’impjieg, filwaqt li oħrajn segwew opportunitajiet ta’ edukazzjoni u taħriġ.
Qabel ma ċ-childcare sar bla ħlas għal kulħadd fl-2014, kien hemm 1,800 tifel u tifla f’69 ċentru f’pajjiżna. Din is-sena hemm kważi 9,000 tifel u tifla li qed jattendu b’xejn f’wieħed mill-188 ċentru għaċ-childcare.
Tfal ta’ bejn it-tliet xhur u t-tliet snin huma eliġibbli li jidħlu bla ħlas f’xi wieħed miċ-childcare centres.
F’dan l-għaxar snin anniversarju, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol, Byron Camilleri, saħaq li, meta l-Gvern ipprovda ċ-childcare bla ħlas u aċċessibbli għal kulħadd, mhux biss appoġġa lill-ġenituri li jaħdmu, iżda saħħaħ is-suq tax-xogħol u xpruna wkoll it-tkabbir ekonomiku.
“Il-parteċipazzjoni tal-mara fid-dinja tax-xogħol żdiedet minn 52% għaxar snin ilu għal 73% llum. Allura din id-deċiżjoni kienet waħda tajba ħafna li wkoll għenet mhux biss jissaħħaħ is-suq tax-xogħol f’pajjiżna, imma wkoll jixpruna il-progress ekonomiku.”
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Jobsplus, Leonid Mckay, spjega li, bl-istess mod li Jobsplus ħadmet b’mod eċċellenti din l-iskema li minnha gawdew il-familji Maltin u Għawdxin fl-aħħar snin, hemm impenn li din l-iskema tkompli tissaħħaħ u li s-servizz ikompli jitjieb fis-snin li ġejjin.
“Jobsplus tinsab kommessa li tkompli tinvesti aktar u aktar f’dan is-settur kemm biex ngħinu biex ikun hemm aktar u aktar nisa jidħlu fid-dinja tax-xogħol kif ukoll ngħinu lill-persuni li qegħdin jużaw dan is-servizz li huma t-tfal infushom.”