“Il-Ġgantija hija mafkar għall-ħiliet tan-nies li mill-qedem għexu f’dawn il-gżejjer. Dawn it-tempji f’Għawdex huma wkoll mafkar ta’ 8000 sena storja ta’ pajjiżna. Hawnhekk inħossni qed nagħti ġieħ lill-patrimonju għani immens ta’ pajjiżna u nsellem lill-ġenerazzjonijiet li ġew qabilna u li ħallewlna dan kollu.”
Hekk stqarret il-President ta’ Malta, Myriam Spiteri Debono meta l-Ħadd kienet qed iżżur il-park arkeoloġiku tal-Ġgantija fix-Xagħra, Għawdex akkumpanjata miċ-Chairman ta’ Heritage Malta u President tal-maltabiennale.art 2024, is-Sur Mario Cutajar. Il-Ġgantija għandha status ta’ wirt dinji mill-UNESCO.
Waqt li żaret iċ-ċentru tal-viżitaturi, il-President Myriam Spiteri Debono ngħatat tagħrif dwar l-iskavi, sejbiet u studji li saru u għadhom isiru. Hija kellha wkoll l-opportunità żżur ix-xogħlijiet artistiċi ta’ Ibrahim Mahama li bħalissa jinsabu fil-Ġgantija.
Il-President Spiteri Debono ġiet ippreżentata bl-ewwel kopja tal-katalogu uffiċjali tal-maltabiennale.art 2024 li għadu kemm ġie ppubblikat. Il-President ta’ Malta qed tagħti l-patroċinju tagħha, flimkien mal-UNESCO, lil din l-ewwel edizzjoni tal-maltabiennale.art li tiġi fi tmiemha fl-aħħar ta’ dan ix-xahar.
Matul il-jum tal-Ħadd, il-President ta’ Malta attendiet ukoll għal pontifikal solenni fil-Parroċċa tal-Viżitazzjoni fl-Għarb, Għawdex fl-okkażjoni tal-250 anniversarju mit-twaqqif tal-Kolleġġjata. Ippreseda l-funzjoni l-Eminenza tiegħu l-Kardinal Mario Grech. Il-President żaret ukoll il-Fondazzjoni OASI fejn iltaqgħet mill-qrib mar-residenti u mal-istaff.