Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar investiment dirett barrani ta’ €7.5 miljun minn kumpanija Torka, bl-isem ta’ Gimas. Il-kumpanija, li hi diġà stabbilita sew f’pajjiżha, se tkun qed tiftaħ l-ewwel impjant tagħha fi stat membru tal-Unjoni Ewropea.
Permezz ta’ dan l-investiment dirett barrani se jinfetaħ impjant f’Ħal Far fejn se jibdew jiġu mmanifatturati komponenti ta’ turbini tar-riħ biex jiġu esportati madwar id-dinja.
Waqt iż-żjara tal-Prim Ministru fuq il-post, ġie spjegat mit-tmexxija tal-kumpanija barranija kif, fl-ewwel tliet snin tagħha fostna, se timpjega 44 ħaddiem full-time, waqt li se twaqqaf akkademja biex aktar nies jitħarrġu f’dan is-settur.
F’diskors li għamel fit-tnedija t-Tnejn filgħodu, il-Prim Ministru Robert Abela sostna li dan l-investiment dirett barrani mhux biss hu żieda fis-settur tal-manifattura, imma għandu potenzjal akbar u b’saħħtu għall-ekonomija ta’ pajjiżna.
Semma kif aktar kumpaniji qed jiġu Malta, waqt li oħrajn li ilhom hawn qed ikabbru l-operat tagħhom.
Qal kif, pereżempju, kumpanija Indjana tal-farmaċewtika, li ilha sentejn biss f’pajjiżna, qed tkabbar l-operat tagħha.
Dan jikkonferma għaliex il-Kummissjoni Ewropea tat ċertifikat pożittiv lill-ekonomija ta’ pajjiżna, fejn se jkollu l-akbar tkabbir ekonomiku fl-Unjoni Ewropea din is-sena u s-sena d-dieħla.
Qal kif dan l-investiment jingħaqad mal-prijoritajiet ta’ pajjiżna fil-miri ambjentali u kif se joffri wkoll karrieri ta’ kwalità.
“Jiġifieri li, filwaqt li s-setturi tradizzjonali tal-ekonomija tagħna nħalluhom għaddejjin, imma mbagħad nimirħu lejn setturi ġodda u meta ħaddieħor jistaqsina li ma ħloqniex niċeċ ekonomiċi ġodda, nipponta idejha lejn hawnhekk u nħares lejn dan il-proġett. Dan hu niċċa ekonomika ġdida fis-settur tal-enerġija rinnovabbli, li nrexxielna nġibu lejn pajjiżna, investiment tal-ogħla kwalità li se jtella’ ’l fuq l-isem ta’ pajjiżna.”
Iċ-Chairman tal-kumpanija Torka, Bekir Girgin, qal li dan l-investiment f’pajjiżna jirrifletti t-tkabbir ekonomiku, waqt li l-investiment dirett barrani se jiżdied b’€7.5 miljun għal €10 miljun.
“We get a really good support from the Maltese government and especially Malta Enterprise is continuing their support. We got incentives, we had an investment in a long-term loan because we are planning to extend this investment in the next two years. Secondly, we are near to port for us, because we are planning to export like 100%. So, this is critical location.”
Hawnhekk tkellimna wkoll maċ-Chairman ta’ din il-kumpanija dwar l-akkademja, hekk kif hu importanti biex aktar żgħażagħ jitħarrġu.
“They too start work in our company and also, honestly sometimes it is difficult to find welders, CNC operators, so the reason is also to educate the young generation because in normal schools they do not know what we are doing and when they look at it, it’s difficult and so on. When they come to academy, they are seeing how things are going on and so it’s becoming attractive.”
Preżenti wkoll kien hemm il-Ministru għall-Ekonomija, Silvio Schembri, li sostna li jinsab grat jilqa’ lil din il-kumpanija f’pajjiżna. Sostna li l-fatt li Malta ntagħżlet mill-kumpanija bħala l-ewwel pajjiż biex tinvesti fih lil hinn mit-Turkija, juri s-saħħa ekonomika li għandu pajjiżna.
“Grazzi għall-għajnuna u l-kollaborazzjoni bejn entitajiet bħal Malta Enterprise u INDIS jippermettu biex investiment bħal dan, li ltqajna mal-proprjetarji tagħhom ftit tax-xhur ilu, inqas minn sena. Iltqajna, ikkonvinċejna ruħna mill-proġett, rajna li dak jallinea mal-politika tagħna li nkomplu niddiversifikaw f’industriji ġodda u llum, ftit xhur wara, qegħdin hawnhekk. Diġà beda x-xogħol u fit-tieni kwart tas-sena d-dieħla mistenni l-fabbrika tibda topera ħalli jibda jkollna l-ewwel esportazzjoni tal-prodotti tal-wind turbines minn pajjiżna.”