Studju mill-ekonomista tal-Bank Ċentrali Germano Ruisi jindika li l-ekonomija ta’ pajjiżna m’għadhiex tbati wisq meta jkun hemm xokk internazzjonali fil-prezz taż-żejt.
L-ekonomista qabbel il-kriżi tal-2009 max-xokk ta’ wara l-pandemija u sab riżultati ferm differenti u attribwixxa dan għall-politika differenti fejn jidħol sostenn fiskali min-naħa tal-Gvern.
Ruisi jinnota kif wara l-kriżi tal-2009 l-prezzijiet tal-enerġija f’Malta kienu jimxu bħal dawk internazzjonali, mentri mill-2015 ’il quddiem kien hemm stabbiltà, minkejja li l-volatilità fil-prezz internazzjonali kienet sostanzjali ħafna.
Fl-analiżi dettaljata tiegħu, hu jsostni li l-politika ta’ stabbiltà mħaddna mill-Gvern Malti hi straordinarja fil-kuntest internazzjonali.
Ix-xokkijiet fl-enerġija wara l-2009 wasslu għal tnaqqis sinifikanti fl-attività ekonomika, liema tnaqqis kien idum biex jiġi rkuprat d-doppju taż-żmien li qed iddum l-ekonomija issa biex tirkupra minn xokkijiet barranin li huma ferm akbar.
Ix-xokkijiet fil-prezz taż-żejt minbarra li kien ikollhom effett qawwi fuq r-ritmu ekonomiku, kienu jżidu l-għoli tal-ħajja b’1% għal kull 10% żieda fil-prezz internazzjonali taż-żejt. Issa dan l-effett sparixxa minħabba l-politika ta’ stabbiltà fil-prezz tal-enerġija.
Dan kollu jindika kemm id-deċiżjoni strateġika li ħa l-Gvern preżenti fejn tidħol l-istabbiltà tal-prezzijiet qed ikollha mpatti qawwija u tispjega r-reżiljenza tal-ekonomija ta’ pajjiżna, anke meta titqabbel mal-mod kif ittrattaw il-kriżi pajjiżi oħrajn, anke dawk akbar minna.