F’attività politika fiż-Żurrieq, quddiem folla sabiħa ta’ nies, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela ħabbar li l-impjant ġdid tat-tarmak propost fl-Imqabba, bieb ma’ bieb mar-residenti, mhux se jsir.
“Ma nistgħux naċċettaw aħna li din l-industrija tat-tarmak u l-asfalt tersaq aktar viċin ir-residenti, minfejn tinsab illum. Anzi llum niġi quddiemkom u nista’ nħabbar b’mod ċar li l-impjant tat-tarmak u tal-asfalt ġdid li kien se jsir fl-Imqabba, mhumiex se jsir, mhux se jsir.”
Il-Prim Ministru Robert AbelaREKLAMSKROLLJA BIEX TKOMPLI
Il-Prim Ministru spjega kif Gvern Laburista għaddej b’ħidma biex għalaq u qed jagħlaq impjanti li ħallew impatt negattiv fuq in-nies.
Fakkar kif Gvern Nazzjonalista fl-2006, espona art verġni daqs is-Siġġiewi kollu għall-iżvilupp.
Il-Prim Ministru spjega wkoll li waqt li llum il-Gvern ma jistax jieħu lura drittijiet li ngħataw lin-nies, fejn l-art hi pubblika u mhux mimsusa, allura l-Gvern mhux se jiżviluppaha jekk mhux għall-ġid tal-komunità.
Il-Mexxej Laburista qal ukoll li Gvern Laburista jrid ikompli jżid il-proġett ambjentali u semma l-eżempju ta’ Pjazza Karmelitani, li hi art li qiegħda għall-iżvilupp imma fiha l-Gvern se jagħmel spazju miftuħ ieħor għall-familji.
“F’żona li tinsab fiż-żona ta’ żvilupp, fl-iskema tal-iżvilupp, minflok aħna se nagħmlu spazju miftuħ, jiġifieri art li setgħet tinbena, għax qegħda fl-iskema, aħna rridu u se nħalluha miftuħa.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Fid-diskors tiegħu, Dr Abela sostna li Malta hi pajjiż suċċess bis-saħħa tal-poplu kollu li hu l-awtur tas-suċċess b’deċiżjonijiet li ħa biex ta fiduċja lil-Gvern li implimenta miżuri importanti għall-ġid tal-familji.
“Malta pajjiż żgħir veru, imma pajjiż ta’ suċċess kbir. Bis-saħħa tagħkom, bis-saħħa tal-għaqda, bis-saħħa tal-għażliet għax intom dejjem għażiltu li tiddeċiedu fuq l-aktar temi bżonnjużi u ta’ importanza. Intom l-awturi tas-suċċess ta’ pajjiżna.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Fiż-Żurrieq, il-Prim Ministru Robert Abela għalaq id-diskors b’messaġġ b’saħħtu, fejn appella lin-nies sabiex jattendu għall-attività tal-massa fis-6 ta’ Ġunju li ġej – fl-aħħar jum tal-kampanja elettorali ‘Is-Saħħa lill-Maltin’.
“Dan mhuwiex iż-żmien li nistrieħu, anzi huwa ż-żmien li nirrankaw aktar. Għaddejna minn tant sfidi, qas pandemija ma kissirtna. Ma nistgħux għalhekk niefqu issa. Iva, sentejn ilu sliftuni fiduċja bis-saħħa tagħkom. Issa llum għandi bżonnkom, erġajt, warajja. Għinuni biex inġibu lil dawk kollha li emmnu f’Malta Flimkien. Anzi għinuni nġib magħna wkoll lil dawk li s’issa qatt ma vvotaw lill-Partit Laburista. Ejjew flimkien, nikkonvinċu aktar, ħalli fit-8 ta’ Ġunju, nagħtu s-Saħħa liż-Żrieraq, is-Saħħa lill-Għawdxin u s-Saħħa lill-Maltin.”
Il-Prim Ministru Robert Abela