Il-Partit Nazzjonalista qabbel lill-poplu Malti ma’ tiġieġa.
Dan permezz tal-kandidata għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, Louise Anne Pulis, waqt diskors li għamlet f’attività politika tal-Partit Nazzjonalista.
Fix-Xagħra Għawdex, Pulis saħansitra qabblet lill-Gvern Malti mal-mexxej Sovjetiku Josef Stalin biex turi kif il-poplu Malti huwa tiġieġa.
Dan għax sempliċiment jagħti l-fiduċja tiegħu lill-Partit Laburista.
Qalet, “Id-dittatur Stalin, biex juri lill-sħabi kemm hu faċli timmanipula lill-poplu kien qabad tiġieġa, nittifha ħajja u tefgħaha mal-art mimlija dmija. Ftit wara poġġa ftit frak min idejh u t-tiġieġa marret dlonk tiekol minn idu. Dan hu preċiżament li qed jagħmel il-Gvern Malti.”
Din mhux l-ewwel darba li l-Partit Nazzjonalista ddieħak u żżufjetta bil-poplu għaliex wera fiduċja fi Gvern u Partit Laburista.
Fost ħafna istanzi oħrajn, il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech kien sostna kif il-poplu jinxtara għall-voti biċ-ċekkijiet tar-rifużjoni tat-taxxa.
Ċekkijiet li l-poplu jirċivihom kull sena taħt Gvern Laburista u mhux lejliet elezzjoni kif qed jagħti x’jifhem il-Partit Nazzjonalista.
Kien qal, “Berbaqhom, ħlihom, u użahom biex jixtri l-voti.”
L-istess kien għamel Ivan J. Bartolo tas-6pm li fuq ir-radju tal-Knisja kien sostna kif hija ta’ żvintura li l-poplu ma fehemx kif għandu jivvota fl-aħħar elezzjoni ġenerali.
Fuq ir-radju tal-Knisja, Bartolo saħansitra qal li n-nies ma jifhmux.
Stqarr, “Allura n-nies jinxtraw b’ċekk ta’ €100, dak il-livell ta’ votant li għandna aħna. L-iżvintura ġiet li n-nies għadhom mhux qed jifhmu.”