Studju magħmul minn tliet ekonomisti tal-Bank Ċentrali ta’ Malta, Dr Valentina Antonaroli, Ian Borg u Dr Aaron Grech, jindika li, anke wara li jitqies l-effett tal-għoli tal-ħajja, kemm il-pensjoni kif ukoll il-paga minima żdiedu b’mod qawwi fl-aħħar għaxar snin.
It-tliet ekonomisti sostnew dan wara li qabblu l-bidla fil-pensjoni u fil-paga minima ma’ kemm żdiedu l-prezzijiet ta’ dawk l-prodotti u s-servizzi li l-aktar jaffetwaw lil dawn il-faxex tas-soċjetà. Fil-fatt dan il-kejl speċjali jagħti aktar importanza lill-prezzijiet tal-oġġetti tal-ikel u tal-mediċini, fost l-oħrajn.
Meta tqis il-benefiċċji li jikkwalifikaw għalihom l-anzjani b’pensjoni baxxa, jirriżulta li fuq għaxar snin kien hemm żieda ta’ bejn ħamsa u erbgħin fil-mija u ħamsin fil-mija, bl-akbar żieda tkun għall-pensjonanti miżżewġin.
Bil-maqlub, pensjonanti fuq l-ogħla pensjoni raw żieda ta’ 28% fl-istess perjodu.
Meta wieħed jieħu inkunsiderazzjoni l-għoli tal-ħajja fl-istess żmien, jirriżulta li xorta kien hemm żieda ta’ tmienja u għoxrin fil-mija għal dawk miżżewġin fuq il-pensjoni minima.
L-istudju ħares ukoll lejn kif inbidlet il-paga minima maż-żmien, kif ukoll il-benefiċċji relatati. Jirriżulta li persuna single b’żewġt itfal rat żieda komplessiva ta’ sitta u erbgħin fil-mija bejn l-2014 u l-2023, waqt li persuna miżżewġa kellha żieda ta’ wieħed u tletin fil-mija.
F’dan il-każ ukoll, iż-żieda baqgħet sinifikanti meta wieħed tqis l-effett tal-għoli tal-ħajja.
L-istudju jinnota li, jekk jintuża l-kejl uffiċjali tal-inflazzjoni flok dan il-kejl aktar rigoruż, it-titjib ikun ħafna aktar sostnut.
Fid-dawl ta’ dan, l-awturi jilqgħu l-modifika tal-Mekkaniżmu Addizjonali Kontra l-Għoli tal-Ħajja, għax hu bbażat fuq dan il-metodu aktar relevanti għal dawk bi dħul baxx. Fil-fatt l-istudju tal-Bank Ċentrali jikkonkludi billi jgħid li “dan għandu jassigura li l-effett fuq il-poter tal-akkwist ta’ dawk irtirati jew bi dħul baxx jiġi protett aħjar.”