Minn nhar is-Sibt l-ewwel ta’ Ġunju, se jkun qed jibda l-proċess tal-votazzjoni bikrija għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali tas-Sibt 8 ta’ Ġunju.
Fil-fatt fi stqarrija l-Kummissjoni Elettorali avżat li mill-ewwel ta’ Ġunju ’il quddiem se jkunu qed jibdew jivvutaw il-pazjenti fl-isptarijiet f’Malta u Għawdex u u anka l-anzjani fid-djar residenzjali.
Il-votazzjoni fir-residenza San Vinċenz de Paul u 34 Djar tal-Anzjani oħrajn se tkun qed issir is-Sibt l-ewwel ta’ Ġunju,
Però l-Kummissjoni spjegat li dawk il-votanti li huma reġistrati f’dawn l-istituzzjonijiet, kif ukoll dawk kollha residenti iżda mhux reġistrati bħala votanti fihom, iridu jivvutaw sas-Sibt, 25 ta’ Mejju, 2024.
Intqal lil dawk il-membri tal-familja jew persuni oħra li għandhom id-dokument tal-vot ta’ xi qraba jew persuni oħra bħalissa residenti f’San Vinċenz de Paul u fid-Djar tal-Anzjani għandhom jagħtu dan id-dokument lil din il-persuna sa mhux aktar tard min-nofsinhar tal-Ġimgħa, 31 ta’ Mejju, 2024.
Ġie avżat ukoll li fl-1 ta’ Ġunju ma jkunx hemm ħinijiet għall-viżitaturi f’dawn l-istituzzjonijiet.
Intant il-votazzjoni fl-Isptarijiet Mater Dei, Karin Grech, Monte Karmeli u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex se tkun qed issir il-Ħamis, 6 ta’ Ġunju.
Il-ħin tal-votazzjoni jkun mis-7.00 am sal-10.00 pm mingħajr waqfien.
Però għal dawk il-votanti rikoverati fl-isptarijiet sas-6.00 ta’ filgħaxija tat-Tnejn, 3 ta’ Ġunju, 2024, u mhux kif jidher fuq id-dokument tal-votazzjoni tagħhom, huwa importanti li dawn il-votanti jiżguraw li d-dokumenti tal-vot tagħhom ikunu fil-pussess tagħhom sal-4 ta’ Ġunju, 2024.