Il-Gvern ħabbar pjan importanti ta’ żvilupp u riġenerazzjoni tal-Isptar Ġenerali t’Għawdex.
F’konferenza tal-aħbarijiet mill-istess sptar, il-Ministru għas-Saħħa Jo Etienne Abela spjega li parti minn dan il-pjan se jara l-iżvilupp ta’ sptar akut ġdid.
Il-Ministru Abela spjega li l-għan ewlieni ta’ dan il-pjan hu li l-gżira Għawdxija jkollu infrastruttura medika moderna, biex ikompli jingħata servizz ta’ kura tas-saħħa tal-ogħla livell f’Għawdex stess.
F’din il-konferenza tal-aħbarijiet ġie spjegat li dan l-isptar il-ġdid se jkollu 400 sodda. B’dan ifisser li se jkun irduppjat l-ammont ta’ kemm jilqa’ fih l-Isptar t’Għawdex.
Il-Ministru Abela spjega x’se jkun qed jinkludi dan l-isptar il-ġdid.
“Ovvjament servizzi anċillari, bħal multi-storey car park, ċentru ta’ riċerka, ċentru ta’ rijabilitazzjoni, ċentru ta’ CDAU u ċentru ta’ anatomija. Il-Gvern qed jippjana li hawnhekk jinvesti €153 miljun minn diversi sorsi.”
Il-Ministru Abela saħaq li grazzi għal dan il-pjan mhux biss se jitjieb u jingħata servizz tas-saħħa tal-ogħla livell, imma se jkun jinħolqu numru ta’ impjiegi ġodda ta’ kwalità għall-Għawdxin.
Sostna li l-Gvern kontinwament qed jibqa’ jaħdem u jiżġura li l-Għawdxin ikollhom is-servizzi tas-saħħa kollha neċessarja provduti f’din il-gżira stess.