Anke f’din il-kampanja, li m’hijiex kampanja ta’ elezzjoni ġenerali, nkomplu nisimgħu ta’ kuljum bi proposti tal-Partit Laburista biex ikompli jimplimenta riformi fil-qasam soċjali, liema riformi jkomplu jwessgħu ix-xibka ta’ benefiċċji li jgħinu lil kulħadd itejjeb il-livell tal-għajxien tiegħu.
Dan stqarritu l-kandidata tal-Partit Laburista għall-Parlament Ewropew, Marija Sara Vella Gafa li qalet li llum, ma nisimgħux biss proposti li jgħinu biex titjieb il-qagħda finanzjarja ta’ dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjeta tagħna imma nisimgħu ukoll b’riformi soċjali li jkomplu jnaqqsu t-tbatija tan-nies fejn din teżisti. Eżempju ta’ dan huma r-riformi li bħalissa għaddejja konsultazzjoni pubblika dwarhom biex tkun riformata l-Qorti tal-familja. B’dak li qed nipproponi irridu niżguraw li waqt u wara każi ta’ seperazzjoni jkun hemm linji ċari dwar l-aċċess u l-manteniment tat-tfal, il-kura u l-kustodja tagħhom. Irridu naraw xi rwol għandhom in-nanniet f’dawn il-kazi u anke li jkun stabbilit terminu għad-durata tas-seduti tal-Qorti tal-Familja.
Dawn huma bidliet li l-Partit Laburista qed jipproponihom għaliex skont kif qal il-Prim Ministru Robert Abela, aħna qegħdin fil-politika biex intejbu l-affarijiet għal kulħadd.
Tul is-snin, u partikolarment fl-aħħar 11-il sena, żiedet tgħid Vella Gafa, saru bidliet soċjali kbar li mexxihom il-quddiem il-Partit Laburista fil-Gvern. Illum għandna 7 minn 10 nisa jaħdmu għaliex kellna l-kuraġġ u r-riżorsi biex noffru ċ-ċhildcare b’xejn lil-kulħadd. Għax ħafna aktar nies qed jaħdmu naqset bin-nofs id-dipendenza fuq l-assistenza soċjali u dan permezz tal-miżura kuraġġuża tat-tapering tal-benefiċċji.
Progress kbir ieħor fil-qasam soċjali kien kif Gvern Laburista rnexxielu jnaqqas il-prekarjat b’żidiet fil-paga minima miżuri dwar ix-xogħol part-time. U issa proposta oħra Laburista li se titwettaq minn Jannar li ġej, dik tal-Paga Ugwali għal Xogħol Ugwali, irrelevanti jekk impjegat hux mal-kuntrattur jew mal-gvern.
Il-Gvern kellu l-kuraġġ li għall-ewwel darba jirregolariżża it-temping agencies, introduċa l-in-work benefit, il-carer’s grant u l-carer at home. Iddaħħal il-mekkaniżmu addizzjonali għall-għoli tal-ħajja filwaqt l-Pensjonanti, min friża fil-pensjoni kif kellhom sa l-elezzjoni tal-2013 issa qed jiżdiedu kull sena b’ammonti li huma akbar minn dawk mogħtija għall-għoli tal-ħajja.
Dan kollu juri, temmet tgħid Vella Gafa, li l-Partit Laburista biss jista’ jagħti l-garanzija li huwa jibqa’ l-forza li ġġib il-bidliet soċjali fil-pajjiż.