Binja fiż-żona tal-Imrieħel, li fil-passat kienet tintuża bħala mitħna, se tgħaddi formalment għand il-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara wara ftehim li ġie ffirmat bejn l-Awtorità tal-Artijiet u l-istess kunsill.
Permezz tal-ftehim, il-Kunsill se jkun jista’ jibda proġett ta’ restawr u rinnovazzjoni ħalli l-binja tieħu lura l-preġju tagħha u titgawda mill-komunità.
Minbarra hekk, il-Kunsill se jkun ukoll qed jibbenefika mill-iskema tal-capping fuq il-kirjiet, biex issa l-prezz tagħha mhux se jaqbeż il-ħames mitt ewro fis-sena, flok dik proprja ta’ aktar minn erbat elef ewro.
B’hekk il-flus iffrankati se jkunu jistgħu jintużaw għal proġetti oħrajn fil-lokalità.
L-iffirmar tal-ftehim sar fil-preżenza tal-Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali, Stefan Zrinzo Azzopardi, u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli.