Il-bdiewa Għawdxin se jkollhom inqas problemi fuq moħħhom biex iwasslu l-prodotti tagħhom fil-Pitkalija f’Malta, waqt li jittaffewlhom sfidi li jħabbtu wiċċhom magħhom kontinwament, grazzi għal servizz b’xejn li għadu kemm tnieda mill-Gvern.
Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, Anton Refalo, flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-Malta Food Agency, Brian Vella, spjegaw kif din l-inizjattiva hi parti minn diversi inizjattivi li qed jitħabbru fil-Pitkalija minn żmien għal żmien.
Ġie spjegat kif b’dan is-servizz ġdid, se jiġu mgħejjuna l-bdiewa Għawdxin biex iwasslu l-produzzjoni tagħhom f’Malta b’mod aktar faċli għalihom.
“Dan hu forsi servizz żgħir jidher fil-għajn, imma hu kbir. Hu kbir, għax inti se tiffranka, apparti li tiffranka l-ħin għal dawn il-bdiewa li matul il-lejl ikunu qegħdin jippreparaw biex iġibu l-produzzjoni tagħhom, aħna qegħdin ngħidulhom ‘Ħa niċċentralizzaw kollox f’Għawdex u din il-produzzjoni ħa tinġabar u nkunu nistgħu nġibuha fil-bini tal-Pitkalija.”
Issemma wkoll il-fatt li inizjattivi bħal dawn meħudin fil-Pitkalija, dejjem ikollhom fil-mira s-sostenibbiltà tal-agrikoltura f’pajjiżna.
Il-Ministru Refalo spjega kif issa anke dan is-servizz ġdid se jkun ta’ għajnuna kbria għall-bdiewa Għawdxin.
“Din id-darba qegħdin nirrikonoxxu x-xogħol kbir li jagħmel il-bidwi Għawdxi. Għaldaqstant aħna qegħdin noffru servizz, għall-ewwel darba, lill-bidwi Għawdxi li b’xejn ntellgħulu l-frott u l-ħaxix tiegħu Malta darbtejn fil-ġimgħa.”