Il-Ħadd li ġej filgħodu, fl-eqqel tal-kampanja elettorali ‘Is-Saħħa lill-Maltin’, se jkun qed isir mass rally fiż-Żurrieq, indirizzat mill-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela.
Din l-attività tal-massa fi Triq Wied Babu, ħdejn il-qasam tad-djar tan-Nigret, fiż-Żurrieq, qegħda ssir bil-għan li l-Partit Laburista jkompli jiltaqa’ man-nies, waqt li jkompli jispjega dwar il-manifesti elettorali tiegħu għal kull lokalità u għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew, li tnieda proprju l-Ħamis filgħaxija mill-Prim Ministru Robert Abela.
Dawn il-manifesti għandhom prijoritajiet ċari, li jduru mal-punt kruċjali li l-akbar prijorità tibqa’ li Malta tibqa’ tiġi l-ewwel u qabel kollox.
Mal-mikrofonu ta’ ONE News mill-post tal-mass rally stess, il-President tal-Partit Laburista, Ramona Attard, spjegat fi ftit kliem din l-attività fi tmiem il-ġimgħa u r-raġunijiet għalxiex iċ-ċittadini għandhom ikomplu jsostnu lill-Partit Laburista.
“Allura aħna nirrispondu, kif dejjem għedna, għall-provokazzjoni li qed issir billi niġu dawn l-attivitajiet, nagħtu s-sapport lill-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, is-sapport lill-Partit Laburista wkoll u, fuq kollox, inkomplu nisħqu fuq il-kampanja elettorali tagħna fuq il-messaġġi tagħna li jagħtu s-saħħa lill-Maltin u lill-Għawdxin.”
Dan il-mass rally Laburista fiż-Żurrieq se jibda fl-għaxra u nofs ta’ filgħodu.