Persuni b’diżabilità se kunu qed jibbenefikaw minn servizzi u programmi individwalizzati, permezz ta’ ċentru ġdid fil-komunità mmexxi mill-aġenzija Sapport.
B’investiment ta’ aktar minn €200,000, dar f’Tal Virtù, fil-limiti tar-Rabat, li ngħatat l-isem ta’ ‘Ġirasol’, ġiet attrezzata b’faċilitajiet biex professjonisti differenti jwettqu sessjonijiet speċjalizzati ma’ persuni b’diżabilità, skont il-pjan individwali mħejji magħhom.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat, Julia Farrugia Portelli, fejn tenniet li din l-inawgurazzjoni timmarka l-implimentazzjoni ta’ miżura elettorali oħra.
Il-programmi jinkludu sessjonijiet ta’ għajxien indipendenti minn Support Workers, Occupational Therapists u oħrajn, sessjonijiet prattiċi individwali jew fi gruppi għal persuni b’diżabilità, li qed ifittxu impjieg permezz tal-Way to Work, u attivitajiet soċjali individwali jew fi gruppi bejn persuni b’diżabilità u voluntieri, bħala parti mis-servizz ta’ Sharing Lives.
Il-pjan ta’ dan il-proġett ġie żviluppat wara li ġie osservat li persuni b’diżabilità li jirċievu servizzi minn Aġenzija Sapport, jibbenefikaw aktar jekk isegwu programm strutturat f’ambjent addattat.
Il-Ministru Farrugia Portelli fissret kif dan iċ-ċentru hu xhieda tal-impenn tal-aġenzija li toffri lill-persuni b’diżabilità l-aqwa servizz.
“Dan il-proġett joffri l-opportunità li persuni b’diżabilità jkunu segwiti minn nies professjonisti fil-qalba tal-komunità. Ir-Rabat hu diġà spazju inklussiv, b’numru ta’ proġetti li aħna noffru u kien ta’ pjaċir għalina li din il-komunità qed tagħti din l-opportunità lil persuni b’diżabilità jkunu qed jingħataw dawn is-skill sets neċessarji proprju f’din il-belt li hi għal qalbhom ukoll.”
Farrugia Portelli qalet li l-Gvern se jkompli jinvesti f’dawn it-tip ta’ programmi u servizzi li jħallu frott u riżultati tajbin fl-iżvilupp ta’ ħafna persuni.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Sapport, Oliver Scicluna, spjega kif dan il-proġett fil-komunità jorbot mal-mixja tal-aġenzija lejn provvediment ta’ programmi fil-komunità.
“Fl-istess ħin ukoll nimxu mal-istrateġija tal-aġenzija biex insaħħu l-ħiliet tal-persuni b’diżabilità biex, fl-aħħar mill-aħħar, ikunu jistgħu wkoll jgħixu fil-komunità bħala ċittadini attivi. Fl-istess ħin naraw persuni b’diżabilità, forsi li diġà qed jgħixu f’xi istituzzjoni, li dawk ukoll jingħataw iċ-ċans ukoll li jiġu di-istituzzjonalizzati.”
Min-naħa tiegħu, is-Sindku tar-Rabat, Sandro Craus, tenna l-impenn tal-Kunsill Lokali favur aktar proġetti ta’ din ix-xorta.
“Dan hu proġett importanti ħafna fil-lokalità tagħna. Hu proġett fejn bis-serjetà qed naħdmu fuq l-inklussività ta’ diversi żgħażagħ li qed jattendu għal dan iċ-ċentru u allura nħossni onorat li dan il-proġett qed iseħħ fil-lokalità tagħna.”
Preżenti għall-inawgurazzjoni kien hemm ukoll is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru Nancy Caruana, l-Arċipriet tal-lokal Fr Joseph Mizzi u l-Viċi Sindku tar-Rabat, Matthew Chetcuti.