Fit-8 ta’ Ġunju trid tingħata risposta ċara lil min qed jipprova jfixkel il-ħolqien tal-ġid fil-pajjiż. Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-kandidat Laburista għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew Steve Ellul waqt mass gathering quddiem iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun, li għalih attenda l-Prim Ministru Robert Abela.
Mill-post li fissru bħala d-dar tal-Laburisti u tal-Maltin u l-Għawdxin kollha, Steve Ellul spjega d-deċiżjoni li jrid jieħu l-poplu fl-elezzjoni li ġejja.
Hi għażla bejn min lest jagħmel minn kollox biex jaħtaf il-poter u min irid ikompli jaħdem għall-opportunitajiet f’dan il-pajjiż. Bejn min se juża l-għodda kollha tiegħu biex jiġġieled u min juża l-politika bħala għodda biex titjieb il-kwalità tal-ħajja. Bejn min irid jifred lill-familji u min se jagħti s-saħħa lill-Maltin biex nimxu ’l quddiem ilkoll flimkien.
Steve Ellul wera kif, minkejja li għaddejjin minn kampanja elettorali u teżisti l-aktar Oppożizzjoni distruttiva li qatt ra l-pajjiż f’għexieren ta’ snin, xorta għaddej ġmielu x-xogħol.
Semma l-bidliet legali li se jidħlu fis-seħħ biex il-ħaddiema, kemm tal-kuntrattur kif ukoll tal-post, jitħallsu paga ugwali għal xogħol ugwali, issa wkoll fis-settur privat. Saħaq ukoll fuq l-aħbar li l-Gvern se jibda jħallas ukoll is-servizz tal-IVF fl-isptarijiet privati biex ġenituri prospettivi ma jitilfux aktar ħin.
Steve Ellul qal li hu kburi li l-Partit Laburista ma jistrieħx fuq is-suċċessi, iżda jkompli jaspira biex ikun verżjoni aħjar tiegħu nnifsu u għalhekk li fit-8 ta’ Ġunju kulħadd għandu joħroġ jivvota.
“Intom lesti biex jerġa’ jkollkom lil David Casa, li jkompli jiddikjara gwerra kontra Malta. Lesti li tħalluh u tagħtuh il-fiduċja tagħkom intom? Lesti li tagħtu fiduċja lil xi ħadd, bħal Peter Agius li jikteb lill-Kummissjoni Ewropea biex taqta’ l-fondi lejn pajjiżna. Lesti li tagħtu l-possibbiltà li ħaddieħor jerġa’ jagħmel ħames snin bħalma għamel u jivvotaw 14-il darba kontra Malta tiegħi u Malta tiegħek. Għax jien m’iniex lest li nagħtihom ċans wieħed.”
Il-Prim Ministru Robert Abela, fl-intervent li għamel, fisser lil Steve Ellul bħala politiku mimli ideat għall-ġid tal-Maltin u l-Għawdxin.
Qal li Steve Ellul daħal fil-politika għar-raġunijiet it-tajba u ma kellux bżonn il-politika biex ikun ta’ suċċess. Iżda, meta Steve għamel l-għażla, bagħat messaġġ li lest jikkontribwixxi għal Malta u Għawdex bil-ħiliet u l-entużjażmu tiegħu.