Il-binja li sa ftit tax-xhur ilu kienet magħrufa bħala l-lukanda Dolmen f’San Pawl il-Baħar, illum għolliet il-grad tagħha għal Double Tree Hilton Malta.
Dan permezz ta’ investiment ta’ aktar minn €20 miljun, li kien jinklundi rinnovar tal-faċilitajiet tal-lukanda, fosthom kmarar, l-entratura prinċipali u faċilitajiet tal-konferenzi.
Hu stmat li aktar minn 290 kamra ġew rinnovati, żdiedet l-offerta ta’ restoranti fil-lukanda kif ukoll sar investiment sabiex titjieb l-effiċjenza fil-konsum tal-enerġija li tagħmel Double Tree Hilton Malta.
Dawn id-dettalji tħabbru waqt l-inawgurazzjoni ta’ dan l-investiment mill-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo.
Il-Ministru Bartolo rrimarka kif dan l-investiment jimxi id f’id mal-pjan tal-Gvern li jkompli jaġġorna l-prodott turistiku lokali mal-ħtiġijiet tal-lum.
Huwa qal li l-investiment li sar f’din il-lukanda ewlenija fit-tramuntana tal-pajjiż joħroġ fid-deher is-sinerġija li teżisti bejn is-settur pubbliku u dak privat biex il-prodott lokali jkompli jattira turisti ta’ kwalità ogħla matul is-sena kollha.