F’attività politika mtella’ l-Ħamis filgħaxija fis-Siġġiewi, il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela nieda l-manifest elettorali għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, bit-tema ‘Is-Saħħa lill-Maltin’.
F’din l-attività, il-Prim Ministru tkellem dwar kif l-għaxar prinċipji diskussi fil-manifest elettorali jaqgħu taħt dak ewlieni tal-ħarsien tal-interess nazzjonali.
“Biex tkun tista’ titħaddet dwar prinċipji, dwar il-prijoritajiet, irid ikollok, nemmen, prinċipju li jkun il-kappa ta’ kollox, dak ta’ Malta l-ewwel u qabel kollox. U għaliex dan? Dan imur lil hinn minn slogan politiku. Dan huwa verament prinċipju tat-twemmin ’il għaliex jekk inti il-prijorità tiegħek tkun l-avvanz tal-karriera personali, jew x’kariga se taħtaf fi Brussell, jew x’kariga oħra se jirnexxilek iġġib għalik innifsek sena oħra jew sentejn oħra, qatt ma jistgħu ikunu l-ewwel il-prijoritajiet ta’ pajjiżek għalik.”
il-Prim Ministru Robert Abela
Fl-introduzzjoni tiegħu, Dr Abela tkellem dwar l-importanza ta’ ekonomija li tkun kapaċi tilħaq l-aspirazzjonijiet tan-nies. Hawnhekk Abela ta eżempju ta’ kif l-interess ta’ pajjiżna ntlaħaq fl-aħħar negozjati ta’ fondi Ewropej.
“Għaliex morna ppreparati, morna iffokati, fuq kif se nagħmlu l-aqwa negozjati biex inġibu l-aqwa budget ta’ fondi Ewropej għal pajjiżna possibbli – irnexxielna nġibu iżjed mid-doppju ta’ dak li kienu rnexxielhom jinnegozjaw ta’ qabilna. €2.1 biljun f’fondi Ewropej x’nistgħu ninvestu fi proġetti mediċi, fl-infrastruttura ta’ dan il-pajjiż, fi proġetti ambjentali, fi proġetti tas-saħħa, fi proġetti ta’ fejda b’mod ġenerali għal dan il-pajjiż.”
il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru tenna wkoll dwar l-importanza tal-għażla tat-8 ta’ Ġunju li ġej, dik bejn gwerra qaddisa kontra pajjiżna jew dik fl-interess nazzjonali.
“L-għażla, min se jkun fil-Parlament Ewropew, illi jiddefendi bis-saħħa dawn l-għażliet strateġiċi. Se jkollna min imur fi Brussell, isabbat fuq l-imwejjed jgħid li jrid jagħmel gwerra qaddisa, ma nafx x’inhi din il-gwerra qaddisa għax gwerra waħda hemm, gwerra lill-Għawdxin u lill-Maltin jew se jkollna min se jmur jiġġieled għall-interessi vera tal-Maltin u l-Għawdxin jmbuttahom ‘il quddiem. Jekk l-għażla se tkun li nimbuttaw l-interessi tal-Maltin u l-Għawdxin, jekk l-għażla se tkun li nagħtu s-saħħa lill-Maltin u l-Għawdxin, għalhekk l-għażla hi waħda ċara favur il-kandidati kollha tal-Partit Laburista tal-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.”
il-Prim Ministru Robert Abela