Il-Partit Laburista nieda l-manifest tiegħu għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew bit-tema ‘Is-Saħħa lill-Maltin’.
Dan il-manifest jikkomunika l-viżjoni, li għandu l-Partit Laburista għal-leġiżlatura li jmiss fil-Parlament Ewropew, permezz ta’ għaxar prinċipji ewlenin u li se jitwettaq mill-Ewroparlamentari tiegħu li se jiġu eletti wara t-8 ta’ Ġunju li ġej.
L-ewwel punt tal-manifest jitkellem dwar Malta l-ewwel, b’mod partikolari dwar il-prinċipju tal-ġustizzja soċjali fejn l-interessi ta’ pajjiżna jkunu fuq quddiem nett tal-ħidma fil-Parlament Ewropew.
Il-manifest, imbagħad, jitkellem fuq il-prinċipju tal-paċi, b’mod partikolari fid-dawl tal-kuntest politiku internazzjonali. Quddiem dan kollu l-manifest jinnota kif l-Ewroparlamentari Laburisti se jaħdmu favur il-paċi u biex l-Unjoni Ewropea ma tkunx parti mill-gwerer ta’ ħaddieħor, iżda titkellem favur l-paċi u d-djalogu għall-benefiċċju tal-popli kollha.
It-tielet prinċipju tal-manifest jitkellem dwar kif l-Ewroparlamentari Laburisti għandhom jaħdmu favur il-kompetittività ta’ pajjiżna f’suq waħdieni ġust, fejn titnaqqas il-burokrazija u jissaħħaħ l-aċċess għas-suq Ewropew.
It-tibdil fil-klima hu prinċipju ieħor tal-manifest, fejn din l-isfida globali trid tinbidel f’opportunità. B’hekk l-Ewroparlamentari Laburisti se jkunu qegħdin jaħdmu fuq riformi ambjentali li jikkumplimentaw il-ħolqien tal-ġid.
Il-ħames prinċipju ta’ dan il-manifest jitkellem dwar l-immigrazzjoni u jgħid kif, filwaqt li l-Partit Laburista jemmen fid-drittijiet fundamentali tal-bniedem, jitkellem favur tisħiħ ta’ għodod legali u diplomatiċi biex immigranti irregolari jintbagħtu lejn il-pajjiż tal-oriġini tagħhom. Minbarra hekk, jitkellem favur li l-Unjoni Ewropea tattira ħaddiema kwalifikati lejha, inkluż lejn pajjiżna.
Il-konnettività hi prinċipju ieħor f’dan il-manifest li jitkellem favur ħidma li tassigura l-interessi ta’ gżejjer żgħar bħal Malta.
Għawdex, gżira ta’ villaġġi, hu prinċipju li jissemma u jibni fuq dak tal-manifest elettorali ‘Malta Flimkien’. Dan il-manifest jgħid kif l-Ewroparlamentari Laburisti għandhom jaħdmu biex jisfruttaw il-vantaġġi distinti tal-gżira Għawdxija.
Dan il-manifest jitkellem dwar il-kisba ta’ fondi Ewropej biex jintużaw bl-aħjar mod f’pajjiżna u kif ukoll dwar il-ħidma mill-qrib li trid tkompli titwettaq mall-bdiewa, ir-raħħala u s-sajjieda, biex dawn ikunu aktar kompettivi u jgawdu minn kundizzjonijiet ekwi u ġusti.
Fl-aħħarnett, il-manifest ‘Is-Saħħa lill-Maltin’, jitkellem dwar l-Unjoni Ewropea ta’ għada, fejn iridu jittieħdu deċiżjonijiet sensittivi u b’hekk iridu jittieħdu favur iċ-ċittadini Ewropej, inkluż dawk Maltin u Għawdxin.