Is-sena li għaddiet, pajjiżna kellu l-akbar tkabbir ekonomiku, dan filwaqt li, skont it-tbassir tal-Kummissjoni Ewropea, din is-sena u anke s-sena d-dieħla se jerġa’ jkollu l-aqwa tkabbir ekonomiku fl-Unjoni Ewropea u l-inqas rata ta’ qgħad fiż-Żona Ewro.
Dan kien il-messaġġ ewlieni waqt konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Laburista, indirizzata mid-Deputat Alex Muscat u l-kandidat għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew Steve Ellul, fejn innotaw kif, fi żmien Gvernijiet Nazzjonalisti, il-Kummissjoni Ewropea kienet tbassar defiċit wara ieħor fl-ekonomija ta’ pajjiżna.
L-istess Partit Nazzjonalista, li llum ħareġ qatta’ bla ħabel kontra l-istabbiltà fil-prezzijiet tal-enerġija, il-fuels u l-ikel u, li kieku l-Gvern adotta dik l-istrateġija, ir-riperkussjonijiet fuq il-familji u n-negozji ta’ pajjiżna kienu se jkunu koroh ħafna.
Muscat u Ellul saħqu wkoll kif l-istabbiltà li qed jagħti l-Gvern Malti fejn jidħlu kontijiet tal-enerġija ħalliet il-frott. Fil-fatt illum, waqt li fil-pajjiżi ta’ madwarna qed iħallsu kontijiet li huma 40% ogħla minn għaxar snin ilu, hawn Malta qed inħallsu prezz li hu 25% orħos.
Id-Deputat Alex Muscat innota kif li, filwaqt li madwar id-dinja, il-prospetti ekonomiċi qegħdin dejjem imorru għall-agħar, f’pajjiżna l-Gvern mhux biss m’adottax politika ta’ awsterità, iżda kiseb l-aqwa riżultati ekonomiċi possibbli, anke aħjar minn dawk imbassrin preċedentement.
Qal, “Ir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea hu ċertifikat ieħor tat-tmexxija tajba ta’ din l-amministrazzjoni. Qed nirreġistraw l-aqwa tkabbir ekonomiku rekord fejn jirrigwardjaw l-qgħad u rekord f’dak li għandu x’jaqsam ma’ ħolqien ta’ mpjiegi ġodda. Defiċit fost l-aktar li qed jonqos u inflazzjoni li nieżla lejn it-2%.”
Steve Ellul sostna li, kieku pajjiżna mexa kif ried il-Partit Nazzjonalista, li jekk jogħla xi ħaġa barra togħla Malta, l-andament ekonomiku ta’ pajjiżna kien ikun għal kollox differenti milli hu.
Qal, “Għalhekk fit-8 ta’ Ġunju għandna neleġġu politiċi li jemmnu f’din il-politika ekonomiku progressiva, li tara li toħloq il-ġid, minkejja l-isfidi kollha li nistgħu niffaċċjaw. Ekonomija progressiva li tara li dak il-ġid li jinħoloq jitqassam man-nies, ekonomija progressiva li tara lill-Gvern jieħu fuqu l-piż finanzjarju ta’ sfidi internazzjonali. Dan biex nipproteġu lin-negozji u fuq kollox inwieżnu lill-familji Maltin u Għawdxin.”