Ġie ffirmat ftehim kollettiv ġdid bejn il‑General Workers’ Union (GWU) u l-General Soft Drinks Co. Ltd. u GSD Marketing Ltd, li jkopri l‑perjodu bejn l-2023 u l‑2026.
Dan se jipprovdi titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol lil madwar 200 ħaddiem, permezz ta’ żidiet fil-pagi u żidiet sostanzjali fl-allowances għal dawk li jaħdmu bil-lejl, għotja ta’ allowances oħrajn, kif ukoll aktar opportunitajiet ta’ taħriġ għal dawk il-ħaddiema li jixtiequ jitgħallmu proċessi ġodda.
Għall-GWU iffirmaw il-ftehim is-Segretarju tat‑Taqsima Ospitalità u Ikel tal-GWU, Kevin Abela, ir-rappreżentant tal-ħaddiema Raymond Magri, ix-shopstewards Adrian Magro u Joseph Grima, filwaqt li għall-General Soft Drinks Co. Ltd. u GSD Marketing Ltd. iffirmaw il-Kap Eżekuttiv Maria Micallef u d-Deputet General Manager Stephen Bonnici.
Kevin Abela rringrazzja lill-partijiet konċernati għas-sens ta’ rieda tajba li wrew waqt in-negozjati li kienu konklużi b’sodisfazzjon għaż‑żewġ naħat. Maria Micallef qalet li tinsab kuntenta li n‑negozjati saru f’atmosfera ta’ rispett reċiproku fejn qed ikomplu jitjiebu l‑kundizzjonijiet u s‑salarji tal‑ħaddiema kollha, filwaqt li rringrazzjat lil dawk kollha li taw sehemhom.