Għall-ħabta tas-sagħtejn ta’ filgħodu seħħet sparatura fi Triq l-Imdina, f’Ħal Qormi, fejn jirriżulta li ġew sparati għadd ta’ tiri.
Taqsimiet tal-Pulizija, inkluż dawk tal-Forensika, jinsabu fuq il-post biex jiddeterminaw x’wassal għall-isparatura.
Waqt li għaddejjin l-investigazzjonijiet stajna ninnotaw minn fuq il-post bieb ta’ garaxx fit-triq li għandu diversi marki tal-balal li ġew sparati, lejn il-bieb li kien magħluq fil-ħin tal-isparatura.
Fuq il-post dehret tiġi rmunkata vettura tal-għamla Land Rover, li l-Kelliem għall-Pulizija kkonferma ma’ ONE.com.mt li din ġiet elevata mit-taqsima tal-Forensika tal-Pulizija għal aktar investigazzjoni, hekk kif intlaqtet mit-tiri sparati.
Hu mifhum li ħadd ma’ weġġa’ b’rabta mal-każ.
Dwar il-każ infetħet inkjesta Maġisterjali mmexxija mill-Maġistrat tal-Għassa Philip Galea Sciberras.
Aktar dettalji fil-ħin li ġej.