Il-moviment Laburista hu l-forza għall-bidla. Dan intqal mill-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela waqt intervent li għamel f’attività politika f’San Pawl il-Baħar bit-tema ‘Is-Saħħa lill-Maltin’.
Hawnhekk hu semma r-riforma storika, li qed iwettaq il-Gvern Laburista dwar il-Qorti tal-Familja. F’din l-attività tkellmu kelliema dwar l-importanza tal-familja, proprju fil-Jum Internazzjonali tal-Familji.
Dr Abela rrefera għall-attività li saret fl-aħħar ġimgħat dwar din ir-riforma fejn qasmu l-esperjenzi ta’ familji li sabu wara s-separazzjonijiet, fosthom minħabba l-aljenazzjoni parentali.
Il-Prim Ministru saħaq li, quddiem bosta realtajiet ġodda li jiltaqgħu, il-Gvern qed jaġixxi. Fost il-karbiet li kien hemm dawk tan-nanniet.
“U allura d-diskussjoni daret jekk għandniex noħolqu kunċetti ġodda, ta’ li anke n-nanniet ikollhom forma ta’ aċċess, ta’ jekk għandniex ikollna kunċetti ġodda ta’ dak li jissejjaħ co-parenting.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru semma kif il-prinċipju jrid ikun l-ugwaljanza bejn id-drittijiet tal-ġenituri, waqt li kulħadd għandu jingħata t-tieni ċans.
“Dawn huma l-isfidi li sibna ma’ wiċċna mill-esperjenzi li kellna mal-ġenituri. L-għażla hemmhekk kienet waħda, jew nibqgħu indifferenti u ngħidu dik hi prassi ta’ għexieren ta’ snin u ma nagħmlu xejn jew nirrikonoxxu dawn l-isfidi u naġixxu dwarhom.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru temm l-intervent tiegħu b’dan il-messaġġ.
“Fit-8 ta’ Ġunju, jekk intom verament li rridu nkomplu nsaħħu l-familja, inkomplu nsaħħu l-Qorti tal-Familja, li nkomplu nsaħħu l-proċess li bih nagħtu s-saħħa lill-ġenituri, is-saħħa lill-koppji u s-saħħa lit-tfal wara kollox. Mela hemmhekk għandi bżonnkom biex terġgħu tisilfuni l-fiduċja tagħkom biex flimkien nibqgħu l-moviment riformista, il-moviment li jifhem l-isfidi tal-poplu tagħna, il-moviment li jaf kif għandu jindirizza l-isfidi, il-moviment li qatt ma jdawwar wiċċu għall-weġgħat tal-poplu tagħna u li joffri s-soluzzjonijiet lil kulħadd. Mela għalhekk fit-8 ta’ Ġunju nagħtu vot ta’ fiduċja b’saħħtu għal dawk li verament iridu jaħdmu biex jagħtu s-saħħa lill-Maltin u l-Għawdxin.”
Il-Prim Ministru Robert Abela