“Id-dritt għall-assemblea paċifika u l-ipprotestar f’dimostrazzjonijiet mhuwiex negozjabbli. Aħna nikkundannaw bil-qawwa kull użu tal-forza kontra l-assemblea paċifika.” Waqt żjara fil-Georgia nhar l-Erbgħa, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ u ċ-Chairperson tal-OSCE Ian Borg saħaq fuq l-importanza li tiġi evitata l-vjolenza kontra d-dimostranti u li dawk li kkommettew dawn ir-reati jinżammu responsabbli, u żied li l-aggressjoni u l-intimidazzjoni m’għandhom l-ebda post fit-trattament tad-dimostranti li jkunu qed jeżerċitaw id-drittijiet bażiċi tagħhom.
Huwa kien qed jindirizza lill-midja fi Tbilisi, ftit sigħat wara li l-awtoritajiet tal-pulizija lokali kellhom konfronti mad-dimostranti waqt dimostrazzjonijiet tal-massa kontra regolamenti ġodda dwar il-finanzjament ta’ NGOs u organizzazzjonijiet tal-midja.
“Kull Stat parteċipanti tal-OSCE għadda minn xi sfida jew oħra. Jiena konxju tal-impenn kontinwu meħtieġ biex negħlbu dawn l-isfidi. Għaldaqstant, billi nilqgħu l-bidla, il-ħarsien kontra l-kompjaċenza, u t-tagħlim li nieħdu minn imsieħba tagħna stess li jgħinna nsaħħu s-soċjetajiet tagħna. Kull sfida ssir inqas diffiċli meta ninvolvu ruħna fi djalogu kostruttiv biex niksbu riżultati konkreti,” tenna l-Ministru Borg.
Fil-Georgia, id-delegazzjoni Maltija tal-Presidenza tal-OSCE kellha taħditiet mal-President Salome Zourabichvili, mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin Ilia Darchiashvili, mal-Ispeaker tal-Parlament Shalva Papuashvili u mal-membri tad-delegazzjoni tal-Georgia għall-Assemblea Parlamentari tal-OSCE. Id-delegazzjoni ser tiltaqa’ wkoll mal-Prim Ministru Irakli Kobakhidze, l-Erbgħa filgħaxija.
Iċ-Chairperson tal-OSCE Borg iltaqa’ wkoll ma’ rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u żar żoni milquta mill-kunflitti fir-reġjun, f’sezzjoni tul l-administrative boundary line, fejn ġie infurmat mill-Missjoni ta’ Monitoraġġ tal-Unjoni Ewropea fil-Georgia, dwar ir-rwol tagħha fiż-żamma tal-istabbiltà fir-reġjun.
“L-OSCE tkompli tippromwovi l-paċi fir-reġjun, billi tħeġġeġ azzjonijiet li jiffokaw fuq l-interessi tan-nies milquta minn kunflitti li jkunu għaddejjin. Il-prevenzjoni tat-tbatija umana hija l-prinċipju ta’ gwida ta’ l-azzjonijiet tagħna u se nagħmlu kull sforz possibbli, b’kollaborazzjoni mill-qrib mal-imsieħba tagħna, sabiex nindirizzaw każijiet ta’ detenzjoni, nippromwovu l-libertà tal-moviment, u nqajmu kwistjonijiet umanitarji kruċjali bħall-każijiet fejn persuni ġew mċaqalqa minn arthom u dawk neqsin,” afferma l-Ministru Borg.
Malta bdiet il-Presidenza tagħha ta’ 12-il xahar tal-OSCE f’Jannar, taħt it-tema “Insaħħu r-Reżiljenza, Intejbu s-Sigurtà”, wara li ġiet eletta unanimament biex tmexxi din l-organizzazzjoni għall-ewwel darba fl-istorja tagħha, f’Novembru tal-2023.