Il-Ministeru għall-Politika Soċjali nieda abbozz għall-pjan ħolistiku tal-familja sal-2030, li jinsab għall-konsultazzjoni pubblika. Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru Michael Falzon, fil-Jum Internazzjonali tal-Familja u fl-ewwel jum tal-Expo tas-Servizz Pubbliku.
Is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru, Mark Musù, spjega li dan id-dokument jinkludi erba’ prijoritajiet prinċipali, li huma: il-ġustizzja soċjali; ir-relazzjonijiet b’saħħithom tal-familji; titjib fl-għarfien u l-ħiliet tal-familji; u anke li tiġi indirizzata r-rata ta’ fertilità.
Id-Direttur Ġenerali tal-Ministeru, Alexia Vella, spjegat li dan hu parti mill-Viżjoni Soċjali tal-Gvern sal-2035, waqt li l-għan ta’ din il-konsultazzjoni pubblika hu li jindirizzaw l-isfidi preżenti tal-familji. Fost dawn hemm il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata.
“Bħala miżuri qed naraw li nkomplu nsaħħu s-servizzi li għandna biex inkunu ta’ appoġġ u ta’ sostenn. Għandna bżonn l-użu ta’ fond iddedikat għall-familji żvantaġġjati u anke wkoll attivitajiet inklussivi għall-familji u anke fondi għall-attivitajiet biex ikunu jistgħu jiġu organizzati dawn l-attivitajiet għall-familja kollha.”
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Falzon sostna li l-Gvern irid ikun ta’ spalla għall-familji, waqt li jkun hemm titjib għal soċjetà aktar ġusta.
“Il-familja hi importanti f’kull soċjetà. Il-familja hi fejn wieħed jibda jixrob, fejn wieħed jitgħallem u hu importanti d-diversi forom ta’ familja bħala soċjetà. Inkunu hemm biex nagħtu sostenn lil kulħadd.”
Il-konsultazzjoni pubblika se tibqa’ miftuħa sat-28 ta’ Ġunju li ġej, waqt li dawk li jridu jgħidu tagħhom għandhom jikkorrispondu kemm bil-posta jew permezz ta’ imejl.
Anke t-tfal qed jiġu mistiedna jagħtu l-opinjoni tagħhom permezz taċ-Children Empowering App.