Għall-ewwel darba, pajjiżna għandu Bank Nazzjonali tal-Ġeni tal-Pjanti u li xogħlu se jkun biex jippriserva u jissalvagwardja l-ispeċi ta’ pjanti li għandna fil-gżejjer Maltin, billi jaħżen żrieragħ ta’ varjetajiet tal-ħxejjex u tal-frott Maltin, kif ukoll pjanti indiġeni u endemiċi għal kull eventwalità li tista’ tinqala’.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, Anton Refalo, fejn spjega li dan il-proġett jaqa’ taħt id-Direttorat għall-Ħarsien tal-Pjanti u sar b’investiment ta’ aktar minn €3 miljun minn fondi nazzjonali u dawk Ewropej.
Id-Direttur għall-Ħarsien tal-Pjanti, Dennis Sciberras, spjega li l-proġett se jkun l-ewwel wieħed ta’ din ix-xorta f’Malta, li permezz tiegħu se jiġu kkonservati varjetajiet ta’ siġar, siġar tal-frott u ħaxix tal-borma ta’ razez Maltin.
“Għadna kemm nagħmluh issa, ħdimna fuqu li se jkun wieħed mill-aqwa anke li għandna fl-Ewropa, tliet xjenzati minn tagħna marru jistudjaw l-Iżvezja u l-Finlandja, l-aħjar żewġ Genebanks li jeżistu fl-Ewropa u top five fid-dinja, biex b’hekk ikunu mħarrġin ukoll. Se jkollna biex nippriservaw ukoll żrieragħ għal 200 u anke 300 sena għat-tfal tagħna u t-tfal tagħhom u jibqgħu jiftakru fl-affarijiet li aħna mogħnijin bihom ukoll.”
Ġie spjegat kif se jibda x-xogħol tal-ġbir u l-konservazzjoni ta’ żrieragħ ta’ varjetajiet lokali u pjanti indiġeni, kif ukoll il-kollezzjoni ta’ herbaria għall-istudji botaniċi u studji ġenetiċi, biex tiġi dokumentata l-bijodiversità botanika ta’ pajjiżna matul is-snin li ġejjin.
Il-proġett se jinkludi mużew tal-botanika li se jkun disponibbli għall-pubbliku għal fini edukattivi, biex in-nies ikunu jistgħu japprezzaw ix-xogħol li jkun qed isir fil-Bank tal-Ġeni u jaraw l-bijodiversità ta’ pajjiżna taħt lenti xjentifika.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Anton Refalo tenna wkoll kif, permezz ta’ dan, se jinħolqu aktar opportunitajiet għal dawk imħajrin li jkomplu f’din il-linja ta’ xogħol, fil-qasam agrikolu.
“Ftaħna l-ewwel Bank tal-Ġenetika, bih aħna qed niftħu l-orizzonti ġodda għall-bdiewa tagħna, għall-pubbliku u anke għall-ġenerazzjonijiet futuri.”