Għat-tieni sena konsekuttiva, is-Servizz Pubbliku qed itella’ l-Public Service Expo fiċ-Ċentru għall-Fieri u l-Konvenzjonijiet, l-MFCC, f’Ta’ Qali. Matul l-Expo, bit-tema ‘Insaħħu l-Ħiliet’, il-Prim Ministru Robert Abela nieda 250 vettura elettrika u fisser is-Servizz Pubbliku bħala aġent tal-bidla.
Dr Abela qal li din it-tnedija tmur id f’id ma’ dak li qed jagħmel il-Gvern fil-qasam ambjentali biex pajjiżna jilħaq il-miri tiegħu u jkun carbon neutral.
Semma diversi skemi bil-għan li l-familji Maltin u Għawdxin jinvestu f’enerġija rinnovabbli, iżda elenka wkoll il-proġetti ewlenin li qed jimplimenta l-Gvern, fosthom il-proġett tax-shore-to-ship, li qed inaqqas 90% tat-tniġġis tal-arja fiż-żona tal-Port il-Kbir.
Dr Abela qal li l-qalba ambjentali tissarraf f’arja aktar nadifa. Ma’ dawn jingħaqad l-akbar investiment fi spazji miftuħa u b’hekk il-familji jkunu jistgħu jgawdu minn spazji ħodor f’ambjent aktar san u nadif.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Permanenti Ewlieni Tony Sultana qal li din it-tnedija mhijiex il-punt tal-wasla, imma hi tarġa oħra fi strateġija sħiħa biex l-amministrazzjoni pubblika tkun aktar ambizzjuża fil-miri ambjentali tagħha.
Fl-aħħar xhur is-Servizz Pubbliku ħadem biex, kif imwiegħed fil-manifest tal-Gvern, jiġu eliminati l-emissjonijiet mil-arja permezz ta’ vetturi li ma jniġġsux. Sultana qal li dawn il-250 vettura elettrika se jkunu qed jeliminaw aktar minn 370 vettura tradizzjonali mit-toroq Maltin li jaħdmu bid-diesel jew il-petrol.
Il-Kap tal-Amministrazzjoni Pubblika temm jgħid li s-Servizz Pubbliku mhux biss qed iħares biex dejjem itejjeb is-servizzi tiegħu lill-klijenti kollha, imma wkoll li jagħti s-sehem tiegħu fl-impenji ta’ pajjiżna marbutin mal-għanijiet tal-iżvilupp sostenibbli tal-Ġnus Magħquda.
Sadanittant, żewġ uffiċjali pubbliċi li qed jirrappreżentaw lill-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva u l-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar tkellmu dwar l-importanza ta’ avveniment bħal dan.
Il-Public Service Expo 2024 se tibqa’ miftuħa għall-pubbliku sa nhar il-Ħadd li ġej.