Sebat elef uffiċjal pubbliku fi gradi industrijali, tas-snajja’, tekniċi u dawk magħrufin bħala l-General Service se jkollhom kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar hekk kif ġew iffirmati erba’ ftehimiet kollettivi, ippreseduti mill-Prim Ministru Robert Abela u s-Segretarju Permanenti Ewlieni Tony Sultana, matul il-Public Service Expo 2024 bit-tema ‘Insaħħu l-Ħiliet’.
Il-ħaddiema milqutin minn dawn il-ftehimiet, li ilhom ma jiġu riveduti mis-snin disgħin, huma fundamentali biex l-amministrazzjoni pubblika tibqa’ għaddejja bil-ħidma tagħha u toffri servizzi tal-aqwa livell.
B’hekk issa dawn il-ftehimiet għandhom gradi u skali ristrutturati li jirriflettu r-responsabbiltajiet li nbidlu matul is-snin.
Għall-ewwel darba, ġie introdott allowance marbut mal-klassijiet bil-għan li jiġu attirati ħaddiema ġodda u performance bonuses li jevalwaw il-prestazzjoni tal-ħaddiema tas-Servizz Pubbliku.
Minbarra hekk, permezz ta’ dawn il-ftehimiet jistgħu jiġu introdotti trainees fil-gradi ta’ snajja’ u oħrajn tekniċi bil-għan li jkunu jistgħu jiġu attirati studenti mill-ewwel snin tal-istudji tagħhom.
Ftehimiet bħal dawn ikomplu jagħmlu lis-Servizz Pubbliku aktar attraenti u kompetittiv fejn jidħlu l-impjegati li jaħdmu miegħu kif ukoll jgħinu fiż-żamma tal-impjegati.
Matul dawn l-aħħar sentejn ġew konklużi u ffirmati madwar sitta u sittin ftehim li jolqtu madwar 14,000 impjegat. B’dan kollu, l-amministrazzjoni pubblika kisbet riżultati qawwija f’miżuri tal-baġit u rakkomandazzjonijiet tal-Awditur Ġenerali u l-Ombudsman li twettqu.