Malta se jkollha l-akbar tkabbir ekonomiku fl-Unjoni Ewropea kollha din is-sena u anke s-sena d-dieħla, kif joħroġ mit-tbassir tar-rebbiegħa tal-Kummissjoni Ewropea, li ġie ppubblikat l-Erbgħa.
It-tbassir, li jsir minn esperti internazzjonali u li ma jħarsu lejn wiċċ ħadd, bassar kif, din is-sena, Malta se jkollha tkabbir ekonomiku ta’ 4.6%.
Ir-rata ta’ pajjiżna hawnhekk hi ferm aqwa mill-medja tal-pajjiżi fiż-Żona Ewro, li hi biss ta’ 0.8%.
F’dan it-tbassir għar-rebbiegħa, pajjiżna joħroġ ferm aqwa minn dak li kien ħareġ fir-rapport għall-ħarifa. B’dan ifisser li qed ikun stmat li issa l-ekonomija Maltija din is-sena se tikber b’sitt darbiet aktar mill-medja fiż-Żona Ewro.
Fit-tbassir għal din is-sena, ir-rata ta’ tkabbir ekonomiku se tkun aqwa minn ta’ pajjiżi ferm akbar minna. Dan hekk kif Franza u l-Ġermanja, tnjen mill-akbar ekonomiji Ewropej, għandhom tkabbar minimu ta’ 0.7% u 0.1%, rispettivament.
Minn dan it-tbassir tal-Kummissjoni Ewrpopea ħareġ ukoll kif pajjiżna se jkollu l-akbar tkabbir ekonomiku s-sena d-dieħla wkoll, fejn mistenni jibqa’ b’rata b’saħħitha, daqs dak imbassar għal din is-sena. Dan hekk kif it-tbassir tat-tkabbir ekonomiku s-sena d-dieħla hu ta’ 4.3%.
Hawnhekk pajjiżna jerġa’ jaqbeż ukoll ir-rata medja tal-pajjiżi taż-Żona Ewro, li mistennija tkun ta’ 1.4%.
L-esperti tal-Kummissjoni Ewropea sostnew kif dan it-tkabbir ekonomiku se jibqa’ b’saħħtu minħabba l-fatt li l-Gvern, immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela, żamm il-prezzijiet tal-enerġija stabbli u m’għolewx lanqas b’ċenteżmu wieħed kemm għall-familji kif ukoll għan-negozji.
L-esperti tal-Kummissjoni Ewropea wkoll qalu kif is-suq tax-xogħol f’pajjiżna se jibqa’ b’saħħtu, bir-rata ta’ qgħad tibqa’ fl-inqas livelli storiċi.
Minn dan it-tbassir ħareġ ukoll li l-inflazzjoni qed tkompli nieżla, bis-sena d-dieħla mistennija tinżel għal kważi tnejn fil-mija.
Sadanittant, il-Prim Ministru Robert Abela rreaġixxa għal din l-aħbar fuq il-midja soċjali fejn saħaq kif, għal darb’oħra, il-Kummissjoni Ewropea rrevediet ’il fuq il-prospettivi ekonomiċi, waqt li niżlet ’l isfel il-prospetti ekonomiċi fil-bqija tal-Ewropa.
Innota kif, f’dan ir-rapport, jingħad li “Malta tops the ranking”, “strongest growth projections” u qabżet l-aspettattivi kollha. B’dan ikun ċertifikat ċar li Malta hi b’saħħitha.
Ta’ min jgħid ukoll li dan it-tbassir ekonomiku u ċ-ċertifikat pożittiv għal pajjiżna ġie f’perjodu ta’ sfidi internazzjonali bla preċedent, bil-gwerer fl-Ukrajna u fil-Lvant Nofsani, li waslu għall-kriżi tal-enerġija u l-inflazzjoni.