Il-pjazza prinċipali u dik sekondarja tal-Imtarfa se jingħaqdu flimkien fi proġett estensiv ta’ tisbiħ b’valur ta’ madwar żewġ miljun ewro. Ħabbar dan is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi, Omar Farrugia, waqt żjara fuq il-post fejn segwa x-xogħlijiet li qed isiru fuq il-proġett.
Ix-xogħlijiet jikkonsistu, fost l-oħrajn, fit-tneħħija tal-arkati eżistenti li jifirdu ż-żewġ pjazez biex b’hekk jiġi spazju miftuħ mill-isbaħ għar-residenti tal-lokal. Se jsir ukoll xogħol ta’ pavimentar ġdid kemm fil-pjazza kif ukoll fuq il-passaġġi pedonali.
Sadanittant, se tinbena funtana ġdida bi stil modern, filwaqt li se titwaħħal sistema tad-dawl ġdida b’konsum baxx favur l-ambjent. Minbarra hekk, se jinbena ġibjun tal-ilma ġdid u se jiġi rrestawrat wieħed diġà eżistenti.
Iż-żona tal-parkeġġ fuq in-naħa ta’ Triq ir-Reġimenti Maltin se tiġi ristrutturata mill-ġdid u se tinkludi wkoll faċilità ta’ parkeġġ għall-persuni b’diżabilità.
Is-Segretarju Parlamentari responsabbli qal kif, bħala Gvern, qed nibagħtu messaġġ b’saħħtu tal-pjan u l-viżjoni tagħna f’dan is-settur biex inkomplu ntejbu dejjem aktar il-kwalità tal-għajxien tal-familji Maltin u Għawdxin.
Ir-riġenerazzjoni se tkun għan-nies. Il-familji u l-anzjani jistgħu jiġu hawnhekk biex jirrikreaw rwieħhom fiż-żmien li ġej u dak hu l-impenn tagħna li nkomplu nirriġeneraw dawn l-ispazji pubbliċi ħalli flimkien inkomplu ntejbu l-kwalità tal-ħajja tar-residenti tal-Imtarfa.
Is-Segretarju Parlamentari Omar Farrugia
Min-naħa tiegħu, is-Sindku tal-Imtarfa, Kyle Mifsud, tenna li, minn spazju antik b’pavimentar mhux adegwat, issa se jiġi modernizzat b’żona kbira fiċ-ċentru tar-raħal, li tista’ titgawda mill-familji u l-komunità tal-Imtarfa.
Inħares ’il quddiem biex, wara ħames snin ta’ ħidma, grazzi għall-Public Works, dan il-proġett jibda jiġi implimentat u jitgawda mill-komunità tal-Imtarfa u dawk kollha li jżuruna.
Kyle Mifsud, Sindku tal-Imtarfa