Il-General Workers’ Union laqgħet bi pjaċir l-aħbar, li ta l-Prim Ministru Robert Abela, dwar id-dħul tal-leġislazzjoni biex is-settur privat ukoll jaddatta fejn jidħlu ħaddiema tal-kuntrattur biex dawn jitħallsu l-istess paga tax-xogħol li jkunu qed jagħmlu ħaddiema ngaġġati dirett ma’ min iħaddem.
Fi stqarrija, il-GWU fakkret kif kienet hi li qajmet din il-kwistjoni meta organizzazzjonijiet tax-xogħol bdew jużaw is-servizz tal-ħaddiema tal-kuntrattur bir-riżultat li ħolqu diskrepanza fil-pagi u l-kundizzjonijiet ta’ ħaddiema li jagħmlu l-istess xogħol fl-istess post tax-xogħol. Dan kien qed iwassal għal nuqqas ta’ motivazzjoni u dwejjaq għal dawn il-ħaddiema.
Waqt li t-Tlieta filgħodu żar il-fabbrika tal-ST Microelectronics, il-Prim Ministru wkoll tenna kif din l-aħbar intlaqgħet b’mod pożittiv minn ħaddiema tal-kuntrattur fl-istess kumpanija.
Il-GWU qalet li qatt ma waqfet tisħaq fuq il-prinċipju ta’ paga ugwali għal impjiegi ta’ valur ugwali f’kull post tax-xogħol. Temmen li dan huwa pedament ta’ ġustizzja soċjali, għall-ħaddiema kollha, kemm jekk ħaddiema tal-kuntrattur jew jaħdmu direttament ma’ min iħaddem.
“Kien inaċċettabbli li l-ħaddiema tal-kuntrattur jitħallsu inqas mill-ħaddiema l-oħra, disparità li tiżvaluta l-kontribut tagħhom u twassal għal soċjetà mhux ugwali? Nistennew bil-ħerqa l-introduzzjoni ta’ din il-leġislazzjoni biex issir ġustizzja ma’ dawn il-ħaddiema,” qal is-Segretarju Ġenerali tal-GWU, Josef Bugeja.