It-Tlieta filgħaxija l-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela wassal diskors ċar u pożittiv lil folla mdaqqsa ta’ nies li nġabret f’Dawret it-Torri f’Santa Luċija għal attività oħra politika bl-għajta ‘Is-Saħħa lill-Maltin’.
Fost oħrajn tenna li, minkejja dak kollu li jipprovaw jagħmlu tal- Partit Nazzjonalista u l-establishment fi ħdanu, mhux se jirnexxielhom iwaqqfu lill-Gvern milli jkompli jkun it-tarka taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.
Dan bil-maqlub ta’ żmien Gvernijiet Nazzjonalisti li kienu jgħabbu lill-poplu u lin-negozji bl-agħar piżijiet.
Il-Prim Ministru beda billi wassal il-messaġġ tal-aħna akbar mill-jiena.
“Il-preżenza tagħkom hawnhekk tibgħat messaġġ daqstant ċar. Li l-aħna hu akbar milli jiena. Ħaddieħor jheddek bi gwerra, ħaddieħor jipprovokak. Aħna nsejħulkom biex tiġu hawn u tgħidulna x’Malta tridu.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Mexxej Laburista fakkar kif kien Gvern Nazzjonalista li ried jgħolli l-kontijiet tad-dawl bil-qalb, b’differenza għal Gvern Laburista li, sal-lum, għadu jinvesti l-miljuni ta’ ewro biex isostni lill-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin.
“Il-Gvern ta’ Gonzi hawnhekk kien żied il-prezz tal-fjuwil u tal-elettriku d-doppju ta’ kemm kien żdied minn barra u nfakkarkom ukoll meta dakinhar il-Partit Laburista kien ressaq mozzjoni biex dan li ried jagħmel Gonzi ma jseħħx u nfakkarkom li hu l-istess wieħed dan li llum hu wieħed minn dawk li għadhom qed jiġbdu l-ispag tal-Partit Nazzjonalista minn wara.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Tenna kif ma’ Gvern Laburista għajnuna tista’ ssib, filwaqt li mal-Partit Nazzjonalista piżijiet biss u għalhekk xejn mhu se jwaqqaf lill-Gvern milli jibqa’ jkun ta’ spalla għan-nies.
“Imħatra nagħmlilkom illum li, wara s-Sibt li ġej, meta tirċievu t-tieni pagament tal-mekkaniżmu addizzjonali kontra l-għoli tal-ħajja se jmorru jirrapportawna għax-xiri tal-voti, imħatra nagħmlilkom. Però ħaġa waħda ngħidilhom li, jekk jaħsbu li se jwaqqfuna milli nibgħatulkom l-għajnuna li wegħdna u l-benefiċċji, sejrin żball u sejrin żball bil-kbir, għax sakemm tibqgħu tisilfuna l-fiduċja tagħkom, dawn l-għajnuniet se tibqgħu tirċevuhom, se tibqgħu tirċevuhom u tirċevuhom bis-saħħa.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru Robert Abela temm id-diskors b’messaġġ ċar.
“Jekk toqgħodu d-dar, l-għażla se jkun qed jagħmilha ħaddieħor għalikom. Mela ejja nerġgħu ningħaqdu lkoll flimkien b’ponn wieħed għal pajjiżna. Flimkien nibqgħu nirnexxu. Is-Saħħa f’idejkom. Is-Saħħa lil Luċjani. Is-Saħħa lill-Għawdxin. Is-Saħħa lill-Maltin.”
Il-Prim Ministru Robert Abela