Is-Segretarjat Parlamentari għall-Anzjanità Attiva u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, varaw kunċett ġdid ta’ librerija f’San Vinċenz de Paul. Liema proġett inkluda t-twaqqif ta’ tliet telephone booths li issa se jservu bħala post fejn ir-residenti jistgħu jissellfu minn għażla ta’ 200 ktieb bil-Malti u bl-Ingliż li ngħataw b’donazzjoni mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb. Dawn saru mill-ħaddiema tat-taqsima tal-manutenzjoni tal-istess residenza.
Dawn il-libreriji ġew imqiegħda f’postijiet li huma ffrekwentati regolarment mir-residenti u l-qraba tagħhom. Is-Segretarju Parlamentari Malcolm Paul Agius Galea esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal din l-inizjattiva u stqarr kif minbarra li se tgħin biex tippromwovi l-qari fost l-anzjani tagħna se tipprovdi spazju għal aktar interazzjoni u attività mentali, li huma importanti għall-benesseri ta’ kull individwu.
ll-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, Mark Camilleri tkellem dwar l-importanza li l-kotba jkunu aċċessibbli anki għall-komunitajiet vulnerabbli.