Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ u Chairman tal-OSCE Ian Borg kompla ż-żjara tiegħu ta’ tlett ijiem fir-reġjun tan-Nofsinhar tal-Kawkasu b’diversi laqgħat fl-Ażerbajġan.Il-Ministru Borg, mexxa lid-delegazzjoni Maltija tal-Presidenza tal-OSCE f’Baku għal-laqgħat mal-President Ilham Aliyev, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Jeyhun Bayramov u uffiċjali ewlenin oħra.
Il-Ministru Borg spjega li ż-żjara tiegħu pprovdiet opportunità għall-iskambju ta’ għarfien dwar it-temi importanti fosthom il-proċess ta’ paċi mal-Armenja għall-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSCE) u l-Ażerbajġan,.
Il-Ministru Borg afferma li hekk kif l-Ażerbajġan ikompli t-tħejjijiet tiegħu biex jospita l-COP29 aktar tard din is-sena, l-impenn kontinwu bejn l-OSCE u l-Ażerbajġan, dwar aspetti ambjentali, se jikkontribwixxi għad-diskussjonijiet tal-organizzazzjoni dwar l-importanza tal-azzjoni klimatika f’approċċ komprensiv għas-sigurtà.
Sostna kif Malta bdiet il-Presidenza tagħha ta’ 12-il xahar tal-OSCE f’Jannar, taħt it-tema “Insaħħu r-Reżiljenza, Intejbu s-Sigurtà”, wara li ġiet eletta unanimament biex tmexxi din l-organizzazzjoni għall-ewwel darba fl-istorja tagħha, f’Novembru tal-2023.