Fl-14 taʼ Mejju 2024 il-Papa Franġisku ħatar lil Patri Angelo Falzon O.F.M., missjunarju Franġiskan fil-Ħonduras, bħala Isqof tad-djoċesi taʼ Comayagua (Ħonduras).
P. Angelo twieled in-Naxxar fil-15 taʼ Ottubru 1957 u daħal Franġiskan fit-2 taʼ Ottubru 1977 fil-Provinċja taʼ S. Pawl Appostlu tal-Patrijiet Minuri. Fl-10 taʼ Ottubru 1982 għamel il-Professjoni solenni u fid-29 taʼ Ġunju 1984 ġie ordnat saċerdot.
Fl-1985 telaq bħala missjunarju lejn il-Ħonduras, fejn ingħaqad mal-patrijiet Franġiskani Maltin li jaħdmu fil-missjoni tal-Provinċja tal-Immaculate Conception taʼ New York.
P. Angelo kien l-ewwel vigarju parrokkjali fʼSanta Anna (La Libertad) u mbagħad kappillan tal-parroċċa tal-Inmaculada Concepción taʼ Aguanqueterique (La Paz). P. Angelo issa hu Isqof tad-djoċesi taʼ Comayagua, u suċċessur taʼ Mons. Roberto Camilleri OFM, li miet fis-17 taʼ Ottubru 2023.