It-Tnejn filgħodu l-Partit Laburista kompla jintervjeni f’numru ta’ kawżi li nfetħu mill-Partit Nazzjonalista biex mal-mitt persuna ma jivvotawx fis-Siġġiewi, minkejja li ngħataw post ta’ akkomodazzjoni soċjali f’din il-lokalità.
F’dawn il-kawżi għadd ta’ persuni qed jisħqu dwar id-diffikultajiet ta’ ħajjithom li wassluhom biex japplikaw mal-Awtorità tad-Djar biex jingħataw appartament tal-akkomodazzjoni soċjali.
Mara stqarret li hi ġieli kienet qed toqgħod ma’ missierha, iżda xi kultant dan jispiċċa jkeċċiha mid-dar u jkollha torqod fil-karozza jew inkella tara min jista’ jżommha miegħu għal ftit jiem. Qalet li qed tistenna biex iġġorr l-għamara ħalli tibda tgħix waħedha b’serħan tal-moħħ.
F’każ ieħor raġel b’diżabilità fuq wheelchair qal li ma jiflaħx aktar għall-kera għolja li qed iħallas fil-privat. Qal li issa qed jistenna biex id-Diparitment tal-Akkomodazzjoni Soċjali jikkonvertilu l-banju f’doċċa apposta biex tirrifletti l-bżonnijiet tiegħu u jibda joqgħod fl-appartament li ġie allokat lilu.
Mara oħra stqarret li hi tuża bastun u dan l-appartament bil-lift se jbidlilha b’mod pożittiv ħajjitha.
ll-Partit Laburista rappreżentat mill-Presient tiegħu, Dr Ramona Attard, permezz tal-Avukati Pawlu Lia, Ryan Ellul u Albert Zerafa, se jkompli jiġġieled fil-Qrati għad-dritt tal-persuni li wara li ngħataw appartament tal-akkomodazzjoni soċjali fis-Siġġiewi u qalbu l-karta tal-identità tagħhom fuq il-post ikunu jistgħu jivvotaw fis-Siġġiewi stess.