Mal-190 ħaddiem tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, l-MCST, se jkunu qed jibbenefikaw minn titjib fil-paga, żieda fl-allowances u kundizzjonijiet oħrajn tax-xogħol.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet it-Tnejn filgħodu f’Villa Bighi, il-Kalkara, hekk kif ġie ffirmat ftehim kollettiv mal-General Workers’ Union, fil-preżenza tal-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima, u s-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti.
Il-Kap Eżekuttiv tal-MCST, Silvio Scerri, elenka kif dan il-ftehim se jnissel aktar serenità fl-operat ta’ din l-entità, waqt li se jiġbed aktar talent lejhom.
“Ftehim importanti ħafna, jiġifieri ftehim storiku llum mal-MCST, fejn l-importanza hi l-ħaddiem u d-dritt li l-ħaddiem jaħdem f’ambjent seren.”
Is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union, Josef Bugeja, spjega x’tibdiliet se jkunu qed iseħħu, permezz ta’ dan il-ftehim.
“Apparti ż-żieda sostanzjali fil-paga bażika u żieda fl-allowances, daħħalna kunċetti innovattivi fejn ħloqna, anke bħala ambjent tax-xogħol, bilanċ bejn il-ħajja privata tal-individwu u x-xogħol biex inti tagħti aktar ċans lill-ħaddiema li jiżviluppaw u jkollhom ħajja dinjituża u ħajja tajba ħolistikament, mhux biss fuq il-post tax-xogħol.”
Il-Ministru Grima tenna kemm hu importanti dan il-ftehim u kif għandna nkomplu ninvestu fir-riżorsa umana ta’ pajjiżna.
“Huwa ftehim li jirrifletti dik li hi l-viżjoni tagħna f’dan is-settur partikolari. Għal darb’oħra qegħdin ninvestu fir-riżors uman – ir-riżors li tant hu importanti, tant hu kruċjali, biex nassiguraw li s-servizz, li jiġi offrut, ikun wieħed tal-ogħla kwalità, imma fuq kollox nassiguraw li l-ħaddiema iħarsu lejn l-impjieg tagħhom bħala karriera.”
Is-Segretarju Parlamentari Azzopardi Tanti spjega kif il-Gvern jibqa’ impenjat li jinvesti iżjed biex ikompli jsaħħaħ is-setturi tar-riċerka u l-innovazzjoni f’pajjiżna.
“Illum huwa investiment proprju fl-atturi prinċipali, il-ħaddiema, diversi ħaddiema, jekk humiex tekniċi, tal-maintenance, operattivi, amministrattivi, importanti dan il-ftehim kollettiv, għax se jippermettilna li nżommu l-aqwa talent li għandna kif ukoll se jgħinna nattiraw talent ġdid.”