L-aġenzija Infrastructure Malta ħabbret li tlestiet l-ewwel fażi tax-xogħlijiet fit-triq li mix-Xemxija tiħdok lejn Għajn Tuffieħa.
Dan intqal f’kitba fuq il-midja soċjali, fejn intqal li l-investiment infrastrutturali li qed isir fl-inħawi t’Għajn Tuffieħa – fiż-żona magħrufa bħala Ħal Ferħ lejn ix-Xemxija beda jilħaq il-milja tiegħu.
Intqal kif dan il-proġett kien jinkludi intervent li sar minn numru ta’ entitajiet fuq sistemi ġodda ta’ servizzi u wara kien imiss l-aġenzija Infrastructure Malta biex tibni mill-ġdid triq li hi mifruxa fuq medda ta’ ħames kilometri.
F’din l-ewwel fażi saret sistema ġdida għall-ġbir tal-ilma tax-xita, tqiegħdu sistemi ġodda għad-distribuzzjoni tal-enerġija u t-telekomunikazzjoni, inbnew bankini ġodda, saret ħidma fuq it-twessigħ skont paramentri stabbiliti u ngħata wiċċ ġdid.