Il-Banda King’s Own se tkun qed tesegwixxi programm mużikali fi Pjazza Teatru Rjal fil-Belt Valletta nhar is-Sibt 22 ta’ Ġunju fit-8:30 ta’ filgħaxija, fejn se tkun taħt id-direzzjoni tas-Surmast internazzjonali, Maestro Jacob de Haan.
Dan ħabbru l-President tal-istess soċjetà, il-Perit Ivan Piccinino, waqt konferenza stampa fil-preżenza ta’ membri, surmastrijiet u bandisti tagħha.
Maestro de Haan hu meqjus bħala kompożitur mill-aqwa fis-settur mużikali bandistiku, fejn jispeċjalizza fil-wind band music u billi f’żgħożitu kien influwenzat kemm minn kompożizzjonijiet klassiċi kif ukoll dawk kontemporanji, żviluppa ġeneru ta’ mużika li fiha taħlita ta’ elementi mużikali tradizzjonali ma’ dawk moderni.
Din hi l-ewwel darba li s-Surmast de Haan se jkun qed jidderieġi banda Maltija fil-Belt Valletta. Fil-kunċert se jindaqqu biss biċċiet mużikali miktuba minn Mro. De Haan innifsu tul dawn l-aħħar snin bħal ‘Universal Band Collection’ u ‘Agosto’, fost oħrajn. Ma’ dawn se tiżdied biċċa mużika ġdida li se tiżżanżan speċifikament dakinhar tal-kunċert, miktuba mis-Surmast De Haan esklussivament għall-King’s Own.
Waqt il-mawra tiegħu hawn Malta, Maestro De Haan se jkun qed jaghti lecture f’waħda mis-swali tal-każin, filwaqt li l-membri wkoll se jkunu jistgħu jgawduh aktar mill-qrib waqt gala dinner li se jiġi organizzat mill-istess soċjetà.
Kulħadd hu mistieden biex jattendi għal dan il-kunċert u ma jitlifx din l-opportunità li jsegwi mill-qrib lil dan il-kompożitur ta’ fama internazzjonali. Biljetti għal dan il-kunċert jistgħu jinkisbu billi wieħed jaċċessa s-sit showshappening.com jew jagħmel kuntatt mat-tmexxija tas-soċjetà, permezz tal-imejl segkobc@gmail.com jew fuq il-paġna ta’ Facebook.
Dan il-kunċert hu wieħed minn diversi avvenimenti li s-soċjetà qed torganizza biex tiċċelebra l-anniversarju tal-150 sena mit-twaqqif tagħha – avveniment maġġuri kull xahar sa l-aħħar ta’ din is-sena. S’issa, is-soċjetà diġa organizzat tmin avvenimenti, fosthom il-kunċert annwali bis-sehem tat-tenur internazzjonali Gabriel Arce u s-sopran Maltija Claire Caruana, programm ta’ marċi militari fil-MUŻA u l-ftuħ mill-ġdid tas-Sala Re Dwardu VII mill-President Emeritu Dr George Vella.
F’April, f’jum is-soċjetà, wara quddiesa ta’ radd il-ħajr fil-Basilica tal-Porto Salvu u San Duminku fil-Belt Valletta, ġiet inawgurata bandalora ġdida biex jibqa’ mfakkar kif jixraq dan l-anniversarju tant importanti fl-istorja ta’ din is-soċjetà glorjuża.
Intant, fi ftit ġranet oħra, il-banda, flimkien ma’ diversi partitarji se tħalli xtutna fi triqitha lejn Bologna, fejn hemmhekk se tesegwixxi marċ fit-toroq prinċipali ta’ Bologna u kunċert mużikali fil-Basilica di San Domenico, tenna jgħid il-President.