F’festa ta’ kuluri u f’dik li kienet is-16-il finali tal-FA Trophy fl-istorja bejn Floriana u Sliema Wanderers kienu l-Blues li trijonfaw bl-iskor ta’ 4-2, wara l-għoti tal-penalties, biex b’hekk rebħu din it-tieni l-aktar kompetizzjoni importanti u prestiġjuża fil-futbol Malti għat-22 darba fl-istorja, u b’hekk sar l-aktar tim Malti li qatt rebaħ din il-kompetizzjoni.
Floriana kellhom lil Oualid El Hasni u Matias Nicolas Garcia sospiżi, waqt li Sliema kellhom lil Edmond Agius nieqes minħabba l-istess raġuni.
L-ewwel taqsima kienet ferm kwieta, tattika u nieqsa mill-emozzjonijiet. Dan sal-40 minuta meta kienu Sliema li ħolqu l-periklu hekk kif freekick minn pożizzjoni angulata ta’ Samuel Gomes da Mata ġie salvat minn mal-art mill-goalkeeper Serb tal-Greens, Nemanja Andrijanic.
Fil-ftuħ tat-tieni taqsima Sliema komplew fejn ħallew lejn tmiem l-ewwel waħda u fil-55 minuta cross-shot tas-solitu Samuel Gomes da Mata ġie interċettat minn Andrijanic.
Huma komplew jiddettaw il-logħob u fil-61 minuta reġa’ kien Gomes Da Mata li ttanta xortih permezz ta’ xutt mid-distanza li ġie salvat mingħajr wisq diffikultá minn Andrijanic.
Kulma jmur kompla d-dominju assolut tal-Wanderers u seba’ minuti wara, Geoffrey Edwin Acheampong ra li Andrjanic kien ftit barra minn postu, u pprova jqabbeż il-ballun minn fuqu permezz ta’ xutt mid-distanza li iżda ntemm ftit għoli.
Sliema komplew jippressaw u fis-76 minutaa wara li rċieva minn azzjoni ta’ corner, il-captain Henrique Murilo kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu minn taħt il-lasta tintemm ftit għoli.
Floriana wieġbu għall-ewwel darba fit-82 minuta minn daqqa ta’ ras ta’ Kemar Reid li wkoll għaddiet ftit għoli.
Sliema tilfu ċans tad-deheb li jiftħu l-iskor proprju fid-90 minuta meta Daniil Kondrakov għadda tajjeb lejn Lydon Micallef li iżda ra lil Andrijanic isalva bi bravura, biex salva goal ċert.
Dan sabiex sekondi biss wara kien Kondrakov dejjem għall-Blues li falla ċans ieħor tad-deheb meta kellu t-tentattiv tiegħu minn taħt il-lasta jintemm ftit barra.
L-iskor baqa’ ma nbidilx sa tmiem il-ħin regolamentari, u b’hekk il-partita kellha tmur għall-ħin barrani.
Fil-100 minuta, Maksim Valadzko kellu x-xutt b’saħħtu tiegħu minn ġol-kaxxa salvat bi bravura mill-goalkeeper tal-Wanderers, Rashed Al-Tumi, bil-Blues jeħilsuha ħafif.
Floriana qalgħu daqqa ta’ ħarta fil-108 minuta meta spiċċaw jilagħbu b’10 players meta tkeċċa għalihom il-player Maksim Valadzko wara li rċieva żewġ karti sofor f’temp ta’ minuta.
Sliema tilfu ċans tad-deheb li jsibu x-xibka fil-115-il minuta meta Neil Frendo indirizza cross-shot fil-baxx lejn Gustavo Alcino, li iżda ma laqatx il-ballun, li finalment intemm barra, bl-azzjoni tisfuma fix-xejn.
U proprju fil-ħin miżjud tat-tieni taqsima, kienu Sliema li spiċċaw jilagħbu b’10 players meta tkeċċa għalihom il-player Neil Frendo permezz ta’ karta ħamra diretta wara daħla kerha fuq player ta’ Floriana.
L-iskor sa tmiem il-ħin barrani baqa’ intatt, biex b’hekk il-partita kellha tmur għall-għoti tal-penalties.
Mill-11-il metru għal Sliema skorjaw Geoffrey Edwin Acheampong, Mohamed Awad, Lydon Micallef u Joseph Minala. waqt li falla Gustavo Alcino.
Dan sabiex għal Floriana sabu x-xibka, Jose Ulises Arias u Carlo Zammit Lonardelli, waqt li fallew Mattia Veselji u Kemar Reid.
Referee: Fyodor Zammit
Ritratt: MFA / Domenic Aquilina