Lilna ħadd mhu ser iwaqqafna.
Kien b’dan il-mod li l-Kap Nazzjonalista Bernard Grech indirizza attività politika f’San Ġwann minn fejn kompla fuq ir-retorika konfrontattiva tal-Partit Nazzjonalista lejn kull min ma jaqbilx miegħu.
Qal, “Lilna ħadd mhu sejjer iwaqqafna.”
Dan id-diskors jgħaqqad ma’ opinjoni li l-Kap Nazzjonalista ippubblika fuq il-ħarġa tal-Ħadd tas-Sunday Times of Malta. F’dan l-artiklu, Bernard Grech temm jiddeskrivi lill-Gvern Laburista elett b’mod demokratiku, bl-akbar maġġoranza fl-istorja ta’ Malta indipendenti, bħala reġim.
Din ma kinitx l-unika refernza għall-Gvern Laburista fil-gazzetti tal-Ħadd, hekk kif f’opinjoni oħra, din id-darba ppubblikata fuq The Malta Independent, kien imiss lil Kevin Cassar, ħaten Beppe Fenech Adami li qabbel il-Gvern Laburista preżenti mal-Partit Nazzista Ġermaniż fl-1932.
Hawnhekk ta’ x’wieħed jifhem kif dak li ġara dak iż-żmien fil-Ġermanja se jkun qed jiġri f’pajjiżna għaliex fil-Gvern hemm il-Partit Laburista. L-istess stil deher ukoll f’intervista li l-Membru Parlamentari Ewropew tal-Partit Nazzjonalista, David Casa, ta lill-The Malta Indpendent kompla bl-attakk fuq l-istituzzjonijiet minkejja dak li jiprietka. Fil-fatt huwa stqarr li kieku hu kien il-Prim Ministru kien ikeċċi lill-Kummissarju tal-Pulizija.
Din id-dikjarazzjoni ġiet ġimgħa wara li Casa qal li se jagħmel gwerra qaddisa kontra l-Laburisti.
Qal, “Fil-Parlament Ewropew se nagħmel ħilti kollha, gwerra qaddisa biex nara li dawn in-nies posthom ma jkunx Kastilja. Jiena se nagħmel gwerra kontra tagħhom, bl-għodda kollha,li qatt m’użajt s’issa.”
Madanakollu, d-Deputat Nazzjonalista u Kandidat tal-Parlament Ewropew, David Agius għamel tiegħu din id-dikjarazzjoni hekk kif f’San Ġwann sostna li hu onorat li jkun spalla ma’ spalla ma’ Casa.
Qal, “Spalla ma’ spalla ma’ David Casa.”
F’din l-attività politika, tkellem ukoll s-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Michael Piccinino li qal li fit-8 ta’ Ġunju se tibda t-triq għan-normalità jekk il-poplu jivvota lill-Partit Nazzjonalista.
Qal, “Però fit-8 ta’ Ġunju nistgħu nibdew it-triq lura għan-normalità. Fit-8 ta’ Ġunju nistgħu nagħtu risposta.”