Hekk kif wieħed jitla’ t-telgħa tas-Saqqajja, l-ewwel ħaġa li tilqgħek hija niċċa mill-isbaħ ta’ kobor sostanzjali li diffiċli ma tilmaħx, liema niċċa hija waħda mid-diversi siti storiċi ta’ Wirt Kulturali Nazzjonali li ssib f’din il-lokalita’ storika. In-Niċċa ta’ San Pawl tas-Saqqajja nbniet lura fl-1727 mill-Gran Mastru Manoel de Vilhena, li kien strumentali anki fir-riġenerazzjoni li kienet għaddiet minnha l-Belt antika tal-Imdina fis-seklu 18, u b’xorti tajba għadna ngawduha sal-lum.
Matul is-snin, din in-niċċa rat devozzjoni kbira miIl-Maltin, hekk kif kienet punt ta’ referenza kbira f’avvenimenti ta’ dieqa u nkwiet, fosthom fi żmien il-ħakma Franċiża, fejn fil-jum tat-2 ta’ Settembru 1798, il-poplu kien inġabar bi ħġaru quddiem din l-ixbiha biex jitlob l-għajnuna u l-protezzjoni ta’ San Pawl, bl-irvellijiet tal-Maltin kontra l-Franċizi jibdew minn hawn. Saru ukoll diversi laqgħat u talb quddiemha fi żmien ta’ Gwerra, u anke rat avvenimenti speċjali jsiru quddiemha.
Din in-niċċa, liema niċċa hija propjetà tal-Arċikonfraternita’ ta’ San Ġużepp, għandha sinifikat storiku notevoli, fejn anke għadu sal-lum il-ġurnata jittella’ Programm Strumentali tal-għola livell mill-Banda Dekana u Ċittadina L’Isle Adam tar-Rabat tal-Imdina, fejn anke jkunu parti mill-festi tradizzjonali tal-Imnarja, li jittellgħu kemm fil-viċinanzi u l-Buskett.
Matul iż-żmien, din in-niċċa, kapulavur fil-ġebla Maltija mibnija fuq l-istil tal-barokk biex anke tikkumplimenta x-xogħol li kien qed isir fl-Imdina, saritilha diversi ħsara mill-elementi li jaħkmuha u anke meta tqis li qiegħda fuq art taflija. Għalkemm sarulha diversi interventi ta’ restawr matul is-snin, kien hemm bżonn intervent urġenti u professjonali, liema intervent ħa xhur sħaħ biex tlesta wara li anke sar studju tal-art u l-madwar.
Kien propju fl-2021 li l-Kunsill Lokali immexxija mis-Sindku Sandro Craus, is-CEO ta’ Komunita’ Malta ta’ dak iż-żmien Jonathan Cardona u l-ex Segretarju Parlamentari Alex Muscat, iffirmaw MOU biex ikun jista’ jinbeda x-xogħol biex tiġi rrestawrata. Dan kollu sar taħt il-ħarsien tas-Sovratendenza għall-Patrimonju Kulturali, bix-xogħol isir mill-ħaddiema u professjonisti ta’ Agius Stone Works, wara sejħa pubblika li kienet saret.
Dawn ix-xogħlijiet ta’ bdil ta’ ġebel u konservazzjoni ta’ aperturi tal-injam u kanċelli tal-ħadid, ammontaw għal madwar €60,000, liema xogħol kien jirrikjedi reqqa kbir speċjalment fit-tindif li kien hemm bżonn mill-mugrufun tal-vetturi, u anke ħsarat li ġarbet mill-irjiħat qawwija li jaħkmu dawn l-inħawi tant esposti.
L-Inawgurazzjoni tar-restawr se ssir illejla fis-7 ta’ filgħaxija, fejn kulħadd huwa mistieden jattendi, bis-sehem tal-Banda L’Isle Adam u anke tingħata diversi informazzjoni ta’ dak li sar.