Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard indirizza s-seminar ‘Malta u l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea’, organizzat mill-Kamra tal-Avukati b’kollaborazzjoni mad-Diviżjoni tal-Ilsien Malti fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fl-okkażjoni tal-20 sena anniversarju mis-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.
Waqt dan is-seminar il-kap tad-diviżjoni Joseph Izzo Clarke ppreżenta t-tieni volum tal-pubblikazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja bl-isem ‘Malta u l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea’ – pubblikazzjoni li qed tiġbor fiha l-ġrajja rikka ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea u l-kollaborazzjoni tagħha mal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
Il-Ministru Attard spjega li din il-pubblikazzjoni tagħmel enfasi fuq ir-rwol kruċjali tal-lingwa fl-iffaċilitar tad-diskors legali u biex jiġi żgurat li ċ-ċittadini kollha jkollhom aċċess għall-ġustizzja.
“Il-lingwa mhijiex biss mezz ta’ komunikazzjoni iżda hija riflessjoni tal-identità kulturali u l-wirt storiku tagħna, u hija r-responsabbiltà tagħna li nippreservawha u niċċelebrawha,” qal il-Ministru Attard hekk kif fakkar fid-90 anniversarju minn meta l-Malti sar l-ilsien uffiċjali ta’ pajjiżna u l-qrati tal-ġustizzja tagħna.
Filwaqt li rringrazzja lil dawk kollha li taw il-kontribut tagħhom fit-tfassil ta’ din il-pubblikazzjoni, il-Ministru Attard tenna li “l-isforzi kollettivi tagħkom ilkoll fasslu riżors komprensiv u intuwittiv li bla dubju se jkun qiegħed iservi ta’ referenza siewja għall-akkademiċi, għall-prattikanti u anki għal dawk li jfasslu l-liġijiet.”
Dan il-volum komprensiv jittratta fid-dettall il-kollaborazzjoni bejn il-qrati Maltin u l-Qorti tal-Ġustizzja, fejn joffri għarfien dwar kif din ir-relazzjoni żviluppat tul dawn l-aħħar 10 snin u ssegwi pubblikazzjoni oħra li kienet ħarġet wara l-ewwel 10 snin ta’ sħubija.
Minn sentenzi importanti għal innovazzjonijiet proċedurali, din il-pubblikazzjoni toffri ħarsa komprensiva lejn din it-triq għal qafas legali iżjed integrat u armonizzat fi ħdan l-Unjoni Ewropea.
Min-naħa tiegħu l-Kap tad-Diviżjoni, Joseph Izzo Clarke saħaq l-importanza tal-pubblikazzjoni fil-kuntest tal-professjoni legali, għax hija sors ta’ informazzjoni ta’ rilevanza għal Malta. Bil-fatt li l-ktieb jiġbor il-kawżi li involvew lil Malta, lil ċittadini u residenti ta’ Malta, kif ukoll lil kumpaniji reġistrati f’Malta, qiegħed jintwera l-livell ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati Maltin u dawk tal-Unjoni Ewropea.
Waqt is-seminar, is-Sur Clarke ppreżenta kopja tal-pubblikazzjoni lill-Ministru Jonathan Attard u lill-Prim Imħallef Dr Mark Chetcuti.
Dan is-seminar kien indirizzat ukoll mill-Imħallef Emeritu fil-Qorti Ewropea Dr Anthony Borg Barthet, l-Imħallef tal‑Qorti Ġenerali tal‑Unjoni Ewropea, Dr Ramona Frendo u l-President tal-Kamra tal-Avukati Dr Peter Fenech.