Waqt attività politika f’Misraħ il-Kebbies f’Santa Venera, bit-tema ‘Is-Saħħa lill-Maltin’, il-Prim Ministru Robert Abela qal li llum pajjiżna tilef persuna integra u li dejjem kienet hemm għall-poplu.
Dr Abela qal dan b’referenza għar-riżenja tad-Deputat Prim Ministru Chris Fearne, mill-kariga bħala Deputat Prim Ministru u Ministru, filwaqt li talab ukoll biex il-Gvern ma jkomplix bin-nomina tiegħu bħala Kummissarju Ewropew.
“Illum ngħid, jekk tilef xi ħaġa, xi ħadd, illum kien il-pajjiż. Il-pajjiż li tilef persuna integra u li dejjem kienet hemm għall-poplu tagħna. U ngħid għaliex il-pajjiż tilef waħda mill-aktar persuni li taw valur lill-pajjiż. Sfortunatament, kif semma Wayne qabel, titlaq dak kollu minn inkjesta maġisterjali li suppost ingħalqet fi żmien 60 ġurnata. Bdiet ħames snin ilu, b’erba’ snin u nofs u aktar maqbużin, u mhux talli qabżet is-60 ġurnata, imma baqgħet għaddejja erba’ snin u nofs. U l-ġurnata li għażlet biex tagħlaq l-inkjesta kienet il-ftuħ tan-nominazzjonijiet għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u l-Kunsilli Lokali.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru qal li l-poplu jrid ukoll jagħmel ir-riflessjonijiet tiegħu nhar it-8 ta’ Ġunju – jekk hux se jħalli lill-establishment jikkastiga lil min dejjem kien leali mal-poplu.
“U allura, imbagħad, il-poplu wkoll irid jagħmel ir-riflessionijet tiegħu dwar jekk fit-8 ta’ Ġunju hux lest li jħalli l-establishment jikkastiga lil min kien, lil min ta, u lil min baqa’ jagħti sal-aħħar mument, servizz mill-aktar leali lill-poplu. Jekk hux lest iħalli l-establishment jikkastiga u jsawwat lil min forsi l-establishment iħoss li naqsu, għax ċaħħdu mid-dritt divin li jemmen li għandu li jmexxi lil dan il-pajjiż.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Dr Abela temm jgħid kif l-integrità u l-kapaċitajiet ta’ Fearne huma indiskussi, filwaqt li esprima fiduċja fih u l-ħidma b’lealtà li wettaq lejn pajjiżna.
“L-integrità ta’ Chris indiskussa, il-kapaċitajiet tiegħu wkoll. Il-fiduċja, li għandna nesprimu lkoll fih, trid tibqa’ b’saħħitha. Jien ma’ kull min kien leali fil-ħidma tiegħu lejn dan il-pajjiż, se nibqa’ warajh, ħa niddefendih, u se nibqa’ nappoġġjah bis-saħħa, bis-saħħa u bis-saħħa kollha.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Ara wkoll: